Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li bil-baġit għas-sena d-dieħla, il-Gvern qed jagħtu lura lill-poplu dak li vvota għalih, fosthom li qed jingħataw il-festi lura u s-‘surplus’ qed imur fil-bwiet tan-nies.
Spjega li l-Gvern Laburista l-ewwel beda jsewwi l-affarijiet li kien hemm bżonn fl-ekonomija u issa jista’ jibda jħares għal għada u pitgħada.
Qal li l-Gvern qed jimmira għat-tielet ‘surplus’ is-sena id-dieħla.
Joseph Muscat enfasizza li dan il-baġit ta biss mingħajr ma ħa xejn mingħand ħadd.
Qal li dan kien l-ewwel baġit ta’ wara l-elezzjoni mingħajr ma kien fih żieda fit-taxxi.
Spjega li l-Gvern irnexxilu jnaqqas id-dejn minn 70% għal 50% tal-Prodott Gross Domestiku u li l-pajjiż jiflaħ dak li fih il-baġit li qed ilesti lil Malta għall-futur.
Għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, l-Prim Ministru Joseph Muscat spjega l-miżuri dwar il-kera u saħaq li s-sidien li mhux se jirreġistraw il-kuntratti tal-kera mhux se jiġu protetti.
Qal li l-‘whitepaper’ mhix se tkun intiża li tirregola l-ammont tal-kirjiet imma s-sistema fejn mil-lum għall-għada, is-sid jgħolli r-rata tal-kera jew inkella jkeċċi l-inkwilini ‘l barra.
Saħaq li s-sistema trid tkun ġusta mas-sid tal-kera u l-kerrej b’mod ugwali.