Baġit | 'Minn defiċit ta' €300 miljun għal surplus'

Edward Scicluna qal li pajjiżna llum huwa ferm aħjar milli kien fl-2013

Matul id-diskors tal-baġit, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal f’dan il-baġit mhux se jkun hemm żieda jew introduzzjoni ta’ taxxi ġodda.

Qal li minn defiċit ta’ €300 miljun fl-2012, il-Gvern dawwar dan f’’surplus’ ta’ ‘l fuq minn €100 miljun matul is-sena li għaddiet. Qal li mill-figuri tal-ewwel tmien xhur tas-sena, il-Gvern se jerġa’ jkollu ‘surplus’ ieħor din is-sena wkoll.

Spjega kif hawn 5,000 persuna inqas jirrġistraw għax-xogħol meta mqabbel mal-2013, bi 22,000 persuna aktar li jaħdmu.

Bi 11,000 mara aktar joħorġu għax-xogħol mill-bidu tal-leġiżlatura l-oħra.

Il-Ministru Scicluna qal li n-numru tal-ħaddiema mal-privat jammonta għal 28,000 aktar mill-aħħar tal-2012 u dan dovut ukoll għat-tkabbir ekonomiku.

Saħaq li n-numru tal-persuni fuq l-assistenza soċjali jammonta għal 3,000 inqas mill-2013 u dawk fuq l-assistenza tal-qgħad huwa 3,500 inqas.

Qal ukoll li n-numru tal-persuni fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali naqas b’9,000 persuna.

Il-Ministru għall-Finanzi enfasizza li bis-saħħa tad-deċiżjonijiet li ttieħdu matul l-aħħar erba’ snin, illum m’għandniex għalfejn inħarsu lura biex insewwu problemi tal-passat.

Spjega li bir-riformi fis-sistema tal-benefiċċji soċjali ġew attakkati l-abbużi, gawdew eluf li ħarġu bid-dipendenza tal-assistenza soċjali u t-‘taxpayers’ għax naqset l-ispiża rikurrenti.

Edward Scicluna qal li żdiedu l-pagi u l-pensjonijiet, naqas il-faqar u l-prekarjat u n-nies qed jgħixu ħajja aħjar.

Qal li pajjiżna llum huwa ferm aħjar milli kien fl-2013.

More in Politika