Għada l-elezzjoni każwali biex Adrian Delia jidħol fil-Parlament
Il-persuna li se tkun eletta mill-PN mistennija mbagħad iċċedi s-siġġu lil Adrian Delia minnufih

More in Politika
Il-persuna li se tkun eletta mill-PN mistennija mbagħad iċċedi s-siġġu lil Adrian Delia minnufih
Għada se ssir l-elezzjoni każwali fis-7 distrett elettorali wara li Jean Pierre Debono ċeda s-siġġu Parlamentari tiegħu biex il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia jkun jista’ jiġi ‘co-opted’ fil-Parlament.
Il-kandidati tal-PN li tefgħu isimhom għal din l-elezzjoni huma; Sam Abela, it-tifel tal-eks Segretarju Parlamentari Tony Abela, Joseph Antoine Borg, Dounia Borg, Peter Micallef, Ian Mario Vassallo, David Vassallo u Peter Micallef.
Min-naħa tal-PD se jikkontesta Lee Bugeja Bartolo.
Il-persuna li se tkun eletta mill-PN mistennija mbagħad iċċedi s-siġġu lil Adrian Delia minnufih, xi ħaġa li l-kandidati kollha tal-istess partit diġà wiegħdu li se jagħmlu.
Intant il-fatt li l-PD ħareġ il-kandidat Bugeja Bartolo ġiet ikkritikata minn bosta, imma speċjalment minn Michael Briguglio, eks Chairman tal-AD.
Dan akkuża lil Farrugia b’opportuniżmu politiku u diżrispett lejn is-sieħeb fil-koalizzjoni. “Marlene ħarġet kandidat li ġab 45 vot. Dan għamel ħsara lill-irwol tat-tielet partit f’pajjiżna... prosit lil Monique Agius li ma segwietx ir-ras iebsa ta’ Marlene u ma ssottomettietx in-nomina."
Fil-fatt Monique Agius, kandidata tal-PD u waħda mill-aktar persuni qrib Marlene Farrugia, irriżenjat fi tmiem il-ġimgħa.
Ir-riżenja ta’ Agius saret magħrufa wara li din ma tefgħetx isimha fil-lista ta’ nies li se jkunu qed jikkontestaw l-elezzjoni każwali, xi ħaġa li tmur kontra dak li ordnat Farrugia.
Din kienet għamlitha ċara li hi mhux se tikkopera ma’ Adrian Delia għax ma taħsibx li huwa idoneu biex ikun Kap tal-Oppożizzjoni u allura mhux se taċċetta li l-PD jilħaq qbil biex ma joħroġx għall-elezzjoni każwali.