'Issib min tieklu qalbu għall-annimali imma mhux għal tarbija fil-ġuf'
Il-Kummissjoni Interdjoċesana b'opinjoni iebsa kontra l-IVF, il-Morning After Pill u l-iffrizar tal-embrijun...

More in Politika
Il-Kummissjoni Interdjoċesana b'opinjoni iebsa kontra l-IVF, il-Morning After Pill u l-iffrizar tal-embrijun...
Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent ippubblikat ‘position paper’ mill-iktar iebsa fuq diversi temi soċjali, ambjentali u oħrajn li jitrattaw il-ħajja, kemm tal-bniedem kif ukoll tran-natura. F’dokument ta’ seba’ paġni imma li jitratta diversi temi il-Kummissjoni terġa' tirriaferma l-pożizzjoni kontra, mhux biss l-abort, imma wkoll il-morning after pill, l-IVF u l-iffriżar tal-embrijuni.
Il-Kummissjoni tirrimarka kif fuq dawn is-suġġetti, “sar ħafna diskors legali bl-argument li għalkemm min hemm fil-ġuf hu uman, dan mhux persuna u għalhekk mhux kompletament uman. Din hi rettorika li tipprova sserraħ il-kuxjenza u tiġġustifika ċerti interventi billi taħbi l-verità: jiġifieri li l-bniedem jibqa’ bniedem bid-drittijiet kollha tiegħu, irrispettivament mid-daqs, l-istat ta’ żvilupp, l-abbilità fiżika u mentali u mill-kundizzjoni tas-saħħa tiegħu. Ħadd ma għandu d-dritt li jilgħabha ta’ Alla u jiddeċiedi min għandu jgħix u min le.”
Il-Kummissjoni saħansitra tikkwota kliem il-Papa Franġisku fl-enċiklika Laudato Si u tfakkar illi filwaqt li ġustament hemm nies li jħobbu l-annimali hemm min fl-istess ħin imbagħad ma jġibx rispett lejn it-trabi fil-ġuf.
“Issib li xi wħud, li minkejja tikolhom qalbhom (u bir-raġun) meta jaraw annimali jinħaqru, ma jurux l-istess rispett lejn it-trabi fil-ġuf,” tfakkar il-Kummissjoni li tistaqsi jekk verament għandiex rispett lejn l-annimali bil-‘pjaga’ ta’ klieb u qatates abbandunati u maħqura.