Jean Pierre Debono mwiddeb mill-Amministrattiv tal-PN

Il-Kunsill jgħid li ma m'hemmx lok ta' aktar investigazzjonijiet kontrih wara r-rapport tal-Kummissjoni Elettorali

Ritratt | James Bianchi
Ritratt | James Bianchi

Il-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista iddeċieda li m’hemmx lok ta’ aktar investigazzjonijiet fil-konfront tal-Assistent Segretarju Ġenerali tal-partit Jean Pierre Debono u minflok għażel li jwiddbu.

Rapport kunfidenzjali tal-Kummissjoni Elettorali tal-partit, li Debono baqa’ jgħid li qatt ma ra, akkużah li kellu f’idejh prokuri għall-ġbir tad-dokument tal-vot b’firem foloz.

Fl-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista tas-16 ta’ Settembru, min mit-tesserati ma setax jiġbor id-dokument tal-vot kellu l-faċilità li bi prokura jagħti l-jedd lil ħaddieħor jiġbor il-vot f’isem il-persuna li ma setgħetx tmur personalment id-Dar Ċentrali.

Ir-rapport tal-Kummissjoni Elettorali kien qed jindika li Jean Pierre Debono naqas milli jivverifika l-firem ta’ dawn il-prokuri, li ngħataw lilu mill-membri tal-Kumitati Sezzjonali. Debono kemm il-darba ċaħad li ffalsifika xi firem.

Matul il-laqgħa tal-bieraħ, il-Kunsill Amministrattiv approva l-konklużjonijiet tar-rapport filwaqt li aċċetta d-dikjarazzjonijiet li għamel Jean Pierre Debono, li obbliga ruħu li ma jkunx involut fil-proċess elettorali tal-ħatriet li jmiss fil-partit, li se jsiru sal-aħħar tas-sena.

Debono qal li dak li għamel waqt l-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista għamlu biex bl-intenzjoni li jgħin.

More in Politika