Il-Partit Nazzjonalista ppreżenta l-proposti tiegħu għall-baġit bid-dokument ‘A Sharing Economy’, li huwa t-tielet dokument ta’ qabel il-baġit li ppreżentat mill-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco spjega li d-dokument hu bbażat fuq analiżi tas-sitwazzjoni ekonomika kemm f’pajjiżna kif ukoll madwar id-dinja, analiżi tas-setturi importanti għall-ekonomija ta’ pajjiżna kif ukoll ħarsa lejn il-finanzi tal-Gvern Malti.
Mario de Marco qal li minħabba l-Panama Papers, Malta qed titlef il-pass li tirbaħ ir-rilokazzjoni ta’ operaturi finanzjarji mir-Renju Unit, li qalu li se jitilqu meta jseħħ il-Brexit.
Qal li kien qed jidher li Malta kienet fuq quddiem li tattira l-investiment ta’ dawn il-kumpaniji, li jinkludu l-Lloyd ta’ Londra u Hiscox iżda minħabba l-mod kif il-Gvern mexa’ fuq il-Panama Papers, dawn għażlu postijiet oħra fosthom Dublin, Frankfurt u l-Lussemburgu.
Sostna li l-iskandlu tal-Panama Papers spiċċa biex ħammeġ ir-reputazzjoni impekkabbli ta’ Malta fis-settur finanzjarju.
Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll il-Kelliem għall-Ekonomija Claudio Grech, il-Kelliema għas-Settur tas-Servizzi Kristy Debono u l-Kelliem għall-Familja u l-Politika Soċjali Clyde Puli.