Għandhom jarawlek imejls u messaġġi li tibgħat mill-kompjuter tax-xogħol?

L-ILLUM titkellem mal-unjins dwar id-drittijiet ta’ min iħaddem u tal-impjegati b’ħarsien sħiħ tal-privatezza

Fil-ġimgħat li għaddew il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet fuq appell li għamel ir-Rumen Bogdan Mihal Bărbulescu. Dan tkeċċa mill-post tax-xogħol fejn kien qed jaħdem wara li għamel użu mill-kompjuter u l-wifi tax-xogħol biex bagħat komunikazzjonijiet personali.

Jirriżulta li d-diretturi tal-kumpanija fejn kien jaħdem, rawlu l-komunikazzjoni personali mingħajr ma għarrfuh li kienu qed jagħmlu monitoraġġ fuqu. L-appell ta’ Bărbulescu kien ibbażat fuq il-ksur tal-Artiklu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li tistipola li għandu jkun hemm rispett sħiħ lejn il-ħajja privata, dik tal-familja u l-korrispondenza tal-individwu. Il-Qorti Ewropea waslet għall-konklużjoni li ma kienx hemm dan il-ħarsien tal-privatezza.

L-ILLUM tistaqsi x’inhi s-sitwazzjoni preżenti f’Malta, x’tgħid il-liġi, x’inhi l-pożizzjoni tal-unjins u fuq kollox x’inhuma d-drittijiet tal-ħaddiema f’każ bħal dan.

Il-UĦM twieġeb…

Il-liġijiet Maltin x'referenza jagħmlu għall-monitoraġġ ta' email jew mezzi tal-komunikazzjoni oħra mill-impjegati fuq il-post tax-xogħol tagħhom?

Kapitlu 440 tal-liġijiet ta’ Malta dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data, jitkellem dwar ‘suġġett ta’ data’ li tfisser persuna naturali li lilha jkunu jirrigwardaw id-data personali u għalhekk tali definizzjoni tinkludi wkoll ‘impjegat’. S’issa jidher li ma hemm ebda regola ġenerali fir-rigward ta’ monitoraġġ ta' imejl jew mezzi tal-komunikazzjoni oħra mill-impjegati fil-post tax-xogħol tagħhom u fil-fatt jidher li l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data qed jitratta kull każ b’mod separat bit-termini tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 9 tal-Kapitlu 440 tal-Liġijiet ta’ Malta.

Għandu jsir monitoraġġ fuq l-impjegati jekk dawn jagħmlu użu minn  riżorsi tal-kumpanija fejn jaħdmu għal skopijiet personali?

Filwaqt li huwa ġustifikat li l-kumpanija tara li l-impjegat juża l-ħin tiegħu tajjeb waqt il-ħin tax-xogħol, wieħed għandu jifhem li monitoraġġ jista' jfisser kemm li tara l-persuna fuq liema websajt qiegħda, filwaqt li tista’ tfisser ukoll il-persuna x'qed tikteb, tfittex u tikkomunika ma’ ħaddieħor. Dan għall-unjin mhux ġustifikat li jkun monitorat. Barra minn hekk wieħed irid jagħmel distinzjoni bejn użu ta' kompjuter tax-xogħol u użu ta' wifi tax-xogħol. Mhuwiex lanqas ġustifikat li jiġi monitorat x'jiġri fuq il-‘mobiles’ li jaqbdu mal-wifi tax-xogħol.

‘Il-monitoraġġ fuq komunikazzjoni privata tal-impjegati għandu jkun projbit bħala regola ġenerali’ Josef Vella

Il-ħaddiema għandhom jiġu avżati li qed isir monitoraġġ fuqhom u għandhom jittieħdu miżuri dixxiplinarji fuqhom bħalma hija tkeċċija?

Il-ħaddiema dejjem għandhom jiġu avżati x’qed isir, jew x’jista' isir fuqhom. Jekk dan isir, sakemm id-data li jkunu qegħdin responsabbli tagħha tkun waħda kunfidenzjali u anki tista' tkun ‘trade secret’, allura dan il-monitoraġġ jista’ jintuża sabiex jittieħdu miżuri dixxiplinarji. Iżda jekk waqt dan il-monitoraġġ, jirriżulta illi l-kumpanija abbużat mill-poteri tagħha u anke daħlet fuq it-tagħrif personali tal-ħaddiem, dan ma għandux u ma jistax jiġi użat għall-ebda skop, lanqas għal tkeċċija.

Tqis li monitoraġġ bħal dan huwa ksur tal-protezzjoni tad-data personali skont l-Artiklu 8 tal-Konvenzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem?

Il-monitoraġġ fuq komunikazzjoni privata tal-impjegati għandu jkun projbit bħala regola ġenerali. Madanakollu invista tal-użu dejjem jikber tal-mezzi ta’ komunikazzjoni personali, anke fil-postijiet tax-xogħol, kull tip ta’ monitoraġġ għandu jsir biss b’avviż u taħt proċeduri uffiċjali ta’ investigazzjoni.

L-MEA twieġeb…

Il-liġijiet Maltin x'referenza jagħmlu għall-monitoraġġ ta' imejls jew mezzi tal-komunikazzjoni oħra mill-impjegati fuq il-post tax-xogħol tagħhom?

Il-liġi ma tagħmel l-ebda referenza speċifika għal monitorġġ ta' imejls. Madanakollu kumpanija tista’ jew tipprojbixxi impjegati milli jużaw dan għall-użu personali tagħhom jew inkella jħallu lill-impjegati jużaw l-imejl tax-xogħol iżda jridu jiġu mgħarrfa li minħabba s-sigurtà tal-kumpanija l-imejls kollha qed jgħaddu minn proċess ta’ monitoraġġ. Id-dritt tal-privatezza tal-impjegat f'dan il-każ ma jintilifx fis-sens li sakemm il-materjal ma jkunx ta’ detriment għall-kumpanija jew huwa illegali, ma jintuzax għal skopijiet oħra.

Għandu jsir monitoraġġ fuq l-impjegati jekk dawn jagħmlu użu ta' riżorsi tal-kumpanija fejn jaħdmu għal skopijiet personali?

L-impjegat irid jifhem li meta qed juża riżorsi tal-kumpanija, ikun hemm ‘record’ ta’ kulma qed jiġi kkomunikat fuq is-‘server’, li huwa propjetà tal-kumpanija. Ħafna drabi dan hu proċess awtomatiku u għalhekk, apparti l-fatt li jista’ jirrifletti tlajjar u ħela ta’ ħin min-naħa tal-impjegat, huwa jkun qed jagħmel aspetti tal-ħajja privata tiegħu għad-dispożizzjoni ta’ ħaddieħor.

‘L-impjegat irid jifhem li meta qed juża riżorsi tal-kumpanija, ikun hemm ‘record’ ta’ kulma qed jiġi kkomunikat fuq is-server’ Joe Farrugia

Għandhom il-ħaddiema jiġu avżati li qed isir monitoraġġ fuqhom u għandhom jittieħdu miżuri dixxiplinarji fuqhom bħalma hija tkeccija?

Il-ħaddiema għandhom ikunu mgħarrfa li hemm sistema ta’ monitoraġġ. Jekk jirriżulta li xi ħadd qed jaħli ħafna ħin fuq l-internet pereżempju, jistgħu jittieħdu passi dixxiplinarji. Dan jgħodd ukoll għall-użu ta’ midja soċjali anke minn ‘smartphone’ privat tagħhom waqt il-ħin tax-xogħol.

Tqis li monitoraġġ bħal dan huwa ksur tal-protezzjoni tad-data personali skont l-Artiklu 8 tal-Konvenzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem?

Sakemm qed isir fuq apparat tal-kumpanija ma naħsibx li l-monitoraġġ huwa ksur tad-data personali, għax kumpanija għandha dritt tkun taf kif l-apparat tagħha qiegħed jintuża. Il-kumpanija għandha tirrispetta l-privatezza tal-impjegat u m’għandhiex tagħmel ħwejjeġ privati tal-impjegati pubbliċi anke jekk dan iseħħ billi pereżempju, tqassamhom ma’ ħaddiehor.

Għall-istess mistoqsijiet il-GWU wieġbet:

Il-GWU, bħala prinċipju, temmen li min iħaddem m’għandux ikollu aċċess għall-komunikazzjoni personali tal-impjegati. Huwa żball enormi jekk id-dinja tax-xogħol u l-ħajja personali jsiru ħaġa waħda. Tajjeb wieħed jinnota li, skont il-liġi għall-Protezzjoni tad-Data, il-kumpaniji jridu jiksbu l-kunsens tal-impjegati u dan waqt il-ħin tax-xogħol biss.

‘Il-kumpaniji jridu jinfurmaw b’mod ċar lill-impjegati tagħhom, mal-iffirmar tal-kuntratt ta’ xogħol, li jista’ jkun hemm monitoraġġ’ Josef Bugeja

F’kull komunikazzjoni, jekk ikun hemm il-ħtieġa, irid ikun hemm ġustifikazzjoni valida dwar il-monitoraġġ u mhux kull attività tkun irrekordjata u analizzata. Li hu żgur huwa, li grazzi għal din id-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea, wasal iż-żmien li l-kuntratti ta’ xogħol u ftehimet kollettivi jridu jkunu ċari u jneħħu kull ambigwità dwar x’inhuma l-obbligi tal-impjegat u ta’ min qed iħaddem, f’dak li għandu x’jaqsam mal-użu ta’ apparat elettroniku. Il-kumpaniji jridu jinfurmaw b’mod ċar lill-impjegati tagħhom, mal-iffirmar tal-kuntratt ta’ xogħol, li jista’ jkun hemm monitoraġġ tal-użu ta’ apparat u ‘software’ elettroniku.

Dan aktar u aktar meta llum ninsabu f’sitwazzjoni fejn ikollok impjegati li jintalbu li jġibu l-apparat elettroniku privat tagħhom u jużawh għax-xogħol. Bħala GWU nemmnu li għandha tirrenja l-fiduċja bejn min iħaddem u l-impjegati. B’fiduċja sinċiera l-produzzjoni u l-kwalità tax-xogħol ikunu ferm aktar għoljin, meta mqabbel ma’ impjegati li jħossuhom osservati f’kull pass li jagħmlu.

Mil-lenti tal-impjegat

L-ILLUM tkellmet ukoll mal-Avukat Roselyn Borg dwar il-monitoraġġ tal-komunikazzjoni tal-impjegat. Borg, li tispeċjalizza fil-liġi tax-xogħol spjegat wara d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea, kumpaniji li jwettqu monitoraġġ iridu jipprovdu aktar dettalji fuq il-monitoraġġ li jagħmlu u x’se jagħmlu mill-informazzjoni li jiġbru mill-komunikazzjoni tal-impjegat.

Qalet li jagħmel iżjed sens li din il-prattika tal-monitoraġġ tkun parti mill-‘policy’ tal-kumpanija milli fil-kuntratt tal-impjieg biex ikun hemm iżjed flessibilità biex tinbidel.

L-Avukat Roselyn Borg spjegat li d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea żgur li se tħalli impatt ukoll fuq il-Qorti f’Malta għalkemm il-monitoraġġ ta’ data tal-impjegati diġà hija parti mil-liġi tal-Protezzjoni tad-Data u min iħaddem irid jgħarraf minn qabel lill-impjegati bil-monitoraġġ li jista’ jsir.

More in Politika