Jean Pierre Debono jista’ jiġi ‘sospiż’ mill-kariga fil-PN

Mal-ILLUM stqarr li sar jaf mill-midja li se jispiċċa jitressaq quddiem l-Kunsill Amministrattiv tal-partit

L-Assistent Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Jean Pierre Debono jista’ fl-agħar każ jiġi sospiż mill-kariga fil-partit hekk kif mistenni li jkun fiċ-ċentru tad-diskussjoni waqt laqgħa tal-Kunsill Amministrattiv tal-partit li se ssir fil-ġranet li ġejjin. 

Mhux eskluż li wara din il-laqgħa jittieħdu passi dixxiplinarji fil-konfront ta’ Debono wara li kif irrappurtat il-Maltatoday, rapport kunfidenzjali tal-partit akkużah li kellu f’idejh prokuri għall-ġbir tad-dokument tal-vot b’firem foloz.

Sezzjoni tal-midja qed tirrapporta li l-eksKap tal-Partit Simon Busuttil u s-Segretarju Ġenerali Rosette Thake ikkonfermaw li Jean Pierre Debono se jitressaq quddiem il-Kumitat Amministrattiv.

“Diġà tkellimt mal-Kummissjoni Elettorali u dak li għedt quddiemhom se nerġa’ ngħidu wkoll quddiem il-Kunsill Amministrattiv.” Jean Pierre Debono

Fl-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista tas-16 ta’ Settembru, min mit-tesserati ma setax jiġbor id-dokument tal-vot kellu l-faċilità li bi prokura jagħti l-jedd lil ħaddieħor jiġbor il-vot f’isem il-persuna li ma setgħetx tmur personalment id-Dar Ċentrali.

Ir-rapport tal-Kummissjoni Elettorali qed jindika li Jean Pierre Debono naqas milli jivverifika l-firem ta’ dawn il-prokuri, li ngħataw lilu mill-membri tal-Kumitati Sezzjonali. Debono kemm il-darba ċaħad li ffalsifika xi firem.

Mal-ILLUM, Jean Pierre Debono qal li sar jaf li se jispiċċa quddiem il-Kumitat Amministrattiv mill-midja, bħalma sar jaf mill-midja wkoll li kien issemma’ f’rapport tal-Kummissjoni. “Diġà tkellimt mal-Kummissjoni Elettorali u dak li għedt quddiemhom se nerġa’ ngħidu wkoll quddiem il-Kunsill Amministrattiv.” qal Debono mal-ILLUM.

Huwa saħaq li lanqas ma ingħata kopja tal-konklużjonijiet tar-rapport. Debono enfasizza li wara li tkellem mal-Kummissjoni, li hija mmexxija mill-eksKummissarju Ewropew Joe Borg, kien se jitressaq għal quddiem il-Kunsill Amministrattiv li tiegħu huwa President Karol Aquilina.

Matul il-laqgħa tal-Kunsill se jkun hemm ukoll il-Kap preżenti Adrian Delia, li Debono urieh l-appoġġ tul il-kampanja kollha. Il-Kunsill huwa preżentament maqsum bejn dawk li urew fil-beraħ l-appoġġ lejn Delia u l-oħrajn li urew l-appoġġ lejn Chris Said. Id-deċiżjoni li tista’ tittieħed mill-Kunsill, dejjem jekk tittieħed xi forma ta’ deċiżjoni, trid titressaq quddiem l-Eżekuttiv tal-partit għaliex fl-Amministrattiv ma ssirx votazzjoni. 

More in Politika