‘Dejjem kont tal-kelma, tal-Partit...ma tlaqtkom qatt’

Mal-ILLUM, il-kandidata għall-kariga ta' Deputat Mexxej tal-PL tgħid li 'issa hu l-mument'

Inqas minn ġimgħa oħra, il-Partit Laburista jkollu Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit ġdid, u l-pajjiż ikollu Deputat Prim Ministru ġdid, hekk kif matul din il-ġimgħa, il-PL se jkun qed ilaqqa’ Konferenza Ġenerali Straordinarja sabiex jimtela’ l-post vakanti li tħalla minn Louis Grech. Il-gazzetta Illum intervistat lit-tliet kandidati għall-kariga, u f’din l-aħħar ġimgħa, iltaqgħet mal-uniku kandidata mara għall-kariga, il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza, Helena Dalli.

‘Il-Partit Laburista baqa’ l-uniku ħaġa kostanti f’ħajti’

Id-Deputat Prim Ministru aspiranti Helena Dalli tagħmel aċċenn fuq kif il-Partit Laburista kien prattikament l-unika ħaġa fil-ħajja tagħha li dejjem kienet preżenti u raha tinbidel maż-żmien. Fil-fatt, Dalli ilha tifforma parti mill-Partit Laburista 38 sena, hekk kif bdiet tkabbar l-għeruq tagħha fi ħdan il-Partit sa minn meta kellha 16-il sena. “Jiena kont fil-Partit Laburista dejjem. Fil-ħajja jkollok ħafna tibdiliet: tkun tfajla, studenta, tiżżewweġ, ikollok it-tfal. Xi ħaġa kostanti, fil-ħajja tiegħi hi l-Partit Laburista. Immaġina minn 16-il sena kemm tinbidel il-ħajja tiegħek...imma xi ħaġa li baqgħet dejjem hemm f’ħajti hi l-PL. kont fiż-żgħażagħ, fil-kumitati lokali, fis-sezzjoni nisa, segretarjai internazzjonali tan-nisa, fost karigi oħra.”

Mistoqsija dwar il-bidu tagħha fil-Partit u min kien avviċinaha sabiex tibda tkun attiva, Helena Dalli semmiet kif minbarra l-influwenza mill-familja tagħha, ta’ età żgħira kienet iltaqgħet mal-eks Prim Ministru Duminku Mintoff u kienet tagħmel xi xogħol miegħu. “Il-persuna li ressqitni lejn il-Partit kien il-Perit Mintoff, imbagħad kont niġi eletta fl-eżekuttiv, iżda qatt ma kont ikkontestajt xi kariga fil-Partit. Jien dejjem ħdimt fil-PL fit-tajjeb u fil-ħażin. Kont fil-Partit meta kien hemm ħafna tbatija, meta kien hemm diskriminazzjoni kontra l-Laburisti, meta ħafna Laburisti kellhom bżonn l-għajnuna...jiġifieri kont preżenti meta l-Partit għadda minn mumenti diffiċli ħafna,” tispjega Dalli. Il-Ministru żżid issostni li din hi esperjenza importanti sabiex issawwar il-karattru politiku tal-persuna, “għaliex tkun preżenti kemm fil-glorjuż imma wkoll fid-doloruż. Il-Partit dejjem kien hemm għalija, u jien kont hemm għall-Partit, u għalhekk lanqas nimmaġina lili nnifsi mingħajr il-Partit Laburista għax huwa parti minni.”

Il-Partit dejjem kien hemm għalija, u jien kont hemm għall-Partit, u għalhekk lanqas nimmaġina lili nnifsi mingħajr il-Partit Laburista għax huwa parti minni

‘L-esperjenza li għandi fl-Oppożizzjoni, tiġi utli fl-irwol ta’ deputat mexxej’

Dwar il-kwalifiċi u kemm hi lesta li sservi fil-kariga ta’ deputat mexxej tal-Partit u għaldaqstant ta’ deputat Prim Ministru, Helena Dalli mill-ewwel tgħid li tħoss li l-21 sena li ilha fil-Parlament, tawha l-esperjenza meħtieġa.

Tfakkar kif hi telgħet l-ewwel darba fil-Parlament fl-1996, jiġifieri fi ħdan il-Gvern, bi rwol ta’ segretarju parlamentari fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, dak iż-żmien Alfred Sant. Dalli ssostni li ż-żmien li għamlet taħdem fil-Parlament mal-PL, iktar tard fl-Oppożizzjoni għenha sabiex tkun ippreparata għall-kariga li qed tikkontesta għaliha. “Naħseb li għal dan l-irwol, l-esperjenza tiegħi fl-Oppożizzjoni se tiġi utli,” tispjega l-Ministru Dalli waqt li tgħid kif ċertu manuvri u pożizzjonijiet tal-Opppożizzjoni tista’ tantiċipahom, grazzi għall-esperjenza li kisbet fis-snin fl-Oppożizzjoni.

Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza, waqt li aċċennat dwar l-importanza ta’ lealtà assoluta lejn il-Prim Ministru, żiedet tgħid kif huwa importanti l-fatt li hi u l-Prim Ministru, li jekk tiġi eletta fil-kariga ta’ Deputat Prim Ministru, tkun qed taħdem spalla ma’ spalla miegħu, ikunu it-tnejn li huma ‘on the same page’. “Jien u l-Prim Ministru fil-ħsibijiet tagħna, fil-prinċipji tagħna, fil-valuri tagħna, qegħdin ‘on the same page’. Fil-fatt, ħafna mill-liġijiet li mexxejt ’il quddiem fil-leġiżlatura li għaddiet, allaħares ma kellix l-appoġġ tiegħu, għax kieku ma kontx nagħmel nofs dak li għamilt. Allura huwa importanti li tkun taqbel fil-ħsibijiet tiegħek mal-Prim Ministru,” sostniet Dalli, li kompliet issostni li bil-ħidma tagħha u r-rikonoxximent Ewropew u internazzjonali li kellha għal dan, tista’ tirrapreżenta tajjeb lill-Prim Ministru, waqt li semmiet numru ta’ laqgħat li kellha ma’ diversi persuni u awtoritajiet partikolarment fi ħdan l-UE.

‘Qatt ma kienet f’moħħi li nsir Deputat Mexxej...’

Helena Dalli tkellmet dwar il-fatt li mal-bidliet fid-dekasteri wara l-elezzjoni, anke l-Ministeru tagħha bidel il-bini minn fejn jopera u fil-fatt, billi żdiedu l-affarijiet Ewropej mal-lista ta’ responsabbiltajiet li jaqgħu taħt il-Ministru Dalli, ngħatat l-uffiċċju li qabel kien jaħdem minnu l-eks Deputat Prim Ministru Louis Grech. Hawnhekk, Dalli tgħid li ma kellha l-ebda intenzjoni li tikkontesta għall-kariga ta’ deputat mexxej għall-affarijiet tal-Parlament. “Meta l-Prim Ministru tani wkoll l-Affarijiet Ewropej fid-dekasteru, in-nies bdew iċempluli biex nikkontesta għaliex ħassew li la qiegħda fl-istess Ministeru, għandi nagħmel dan,” sostniet Dalli. Għaldaqstant, mistoqsija dwar jekk tħossx li forsi kienet qed tiġi mogħtija xi spinta, Dalli tisħaq li hi ma ħassithiex, iżda kienu n-nies li ġabuha konxja minnha. Żiedet tgħid li n-nies komplew iħeġġuha tikkontesta meta fakkruha f’dak li kien jgħid il-Prim Ministru tul il-kampanja elettorali, jiġifieri li kien hemm bżonn ta’ iktar nisa f’pożizzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, u kemm kien jitkellem b’qawwa dwar dan u dwar kemm Gvern Laburista kellu jkun gvern femminista. “Xi kultant, in-nies ikunu qed jaraw affarijiet li int li tkun fihom, ma tkunx qed tarahom,” sostniet Dalli waqt li elenkat l-avvenimenti li n-nies kienu qed jiġbru flimkien, “u dan hu dak li n-nies għaqqdu flimkien: poġġieni fiż-żarbun ta’ Louis Grech, il-ħin kollu jitkellem dwar Gvern femminista u l-bżonn ta’ iktar nisa, il-ħin kollu jgħid li għandna nkomplu nagħmlu l-istorja, u allura bdew jgħaqqdu l-biċċiet flimkien.” Minkejja dan, Dalli tgħid li xorta ma kinetx konvinta, u kien biss meta marret Strasburgu mal-Prim Ministru għal laqgħat Ewropej li staqsieha jekk hux se titfa’ n-nomina tagħha għall-kariga, “bħallikieku ħadha for granted li se nikkontesta, u għidtlu li kont għadni nikkunsidra l-proposti li kienu qed jagħmluli n-nies, imma la qed tgħidli int, nagħmilha.” Fil-fatt, meta mistoqsija jekk kinitx qed tikkunsidra l-kariga meta Louis Grech ħabbar li ma kienx se jerġa’ jikkontesta, Dalli dlonk qalet li dan assolutament ma kienx il-każ. Dalli tinsisti li għalkemm ilha mat-38 sena attiva fil-PL, qatt ma kkontestat xi kariga. “Fil-fatt, qabel ġieli kienu qaluli biex nikkontesta, però din id-darba meta rajt dawn l-affarijiet kollha, u imbagħad kompla biex ħeġġiġni l-Prim Ministru wkoll, għidt issa hu l-mument. Qatt ma kienet f’moħħi li xi darba rrid insir deputat mexxej, imma kif ġew l-affarijiet, bdejt nirrealizza li fil-fatt hu l-mument biex nikkontesta,” kompliet tgħid Dalli

‘Meta nidħol għal xi ħaġa, nidħol għaliha bis-serjetà’

Fl-intervista ma’ din il-gazzetta, Helena Dalli semmiet il-ħidma tagħha matul l-aħħar snin bħala Ministru u spjegat kif ħadmet ħafna fl-istrutturi tal-UE fil-passat minħabba l-liġijiet tal-ugwaljanza. “Kont inħares lejhom bħala l-iktar liġijiet tajbin li jista’ jkun hemm u li fil-fatt nistgħu nagħmlu aħjar minnhom, u ġejna fl-ewwel post fl-Ewropa,” sostniet Dalli li bi tbissima żiedet tgħid li meta tidħol għal xi ħaġa, tidħol għaliha bis-serjetà. “Meta rajt il-liġijiet, għidt jien irrid inpoġġi lil Malta l-ewwel, u hekk għamilna. Ilna sentejn fl-ewwel post, u meta sentejn ilu għidt lil Joseph Muscat li ġejna l-ewwel, qalli biex nara kif nagħmel ħalli nibqgħu fl-ewwel post,” sostniet Dalli.

Kieku kelli intenzjonijiet oħrajn, kont ngħidihom għax nemmen li d-delegati għandhom dritt ikunu jafu inti x’għandek f’moħħok

‘Nemmen li d-delegati għandhom dritt ikunu jafu jekk għandix intenzjonijiet oħrajn’

Fid-diskors li tat fit-tnedija tal-kampanja tagħha, Dalli insistiet li m’għandha l-ebda ambizzjoni oħra lil hinn minn din il-kariga ta’ deputat mexxej. Għaldaqstant, din il-gazzetta tistaqsi għalfejn qalet dan, u għaliex ma tikkunsidrax il-kariga ta’ mexxej ġaladarba l-Prim Ministru għamilha ċara li mhux se jkun qed jikkontesta elezzjoni ġenerali oħra. Għal dan, Dalli sostniet li, “assolutament m’għandhiex ambizzjonijiet oħrajn. L-unika ambizzjoni li għandi hi li nipprova nikkonvinċi lill-PM jibqa’ ftit ieħor, għaliex verament nemmen li hekk għandu jagħmel. Hi missjoni diffiċli, però ma nagħmilx ħażin li nipprova, u se nagħmilha l-missjoni tiegħi li nipprova nikkonvinċih.” Dan filwaqt li insistiet li m’għandhiex l-intenzjoni li tmur oltrè mill-pożizzjoni ta’ deputat mexxej u tgħid li, “ikun min ikun il-mexxej, jekk ma jirnexxilix nikkonvinċi lil Joseph biex jibqa’ iżjed, jekk nintagħżel jien, inkun deputat mexxej leali.” Meta mistqosija għalfejn ħasset il-bżonn li tagħmilha ċara li din hi l-ogħla pożizzjoni li qed timmira għaliha, Dalli tgħid li tħoss li d-delegati għandu jkollhom għażla ċara quddiemhom, “u kieku kelli intenzjonijiet oħrajn, kont ngħidihomlhom u nemmen li għandhom dritt ikunu jafu inti x’għandek f’moħħok, u jiena dan għandi f’moħħi.”

‘Irridu nqarrbu lid-delegati iktar lejn il-Partit’

Il-kandidata għall-irwol ta’ deputat mexxej tal-Partit Laburista għall-Affarijiet tal-Parlament, Helena Dalli tkellmet dwar il-viżjoni tagħha kemm-il darba tiġi eletta fil-kariga. Dalli tgħid li temmen li għandu jkun hemm iktar tqarrib tad-delegati lejn il-Partit u l-ħidma tal-Gvern. “Fost id-delegati li kellimt, jinħass ċertu sens ta’ qtugħ bejniethom u l-Partit fis-sens li jridu jagħmlu iktar. Hemm ħafna riżorsa umana,” tkompli tgħid Dalli li tisħaq li, “nistgħu nużawha aħjar.” Il-Ministru Dalli żżid tgħid li hemm ħolqa nieqsa bejn il-programm elettorali, li fl-aħħar mill-aħħar jiġi approvat mid-delegati, u l-ħidma tal-Partit li eventwalment ikun fil-Gvern “il-ħidma li nagħmlu aħna fil-Gvern u fil-Parlament hija fil-fatt grazzi għad-delegati li approvaw il-manifest elettorali. Jien nixtieq li din il-ħolqa tissaħħaħ billi jkun hemm laqgħat regolari mad-delegati jew rappreżentanti tagħhom biex ikunu infurmati fuq l-aħħar xogħlijiet li jkun qed jagħmel il-Gvern, u b’hekk ikunu involuti iktar, u jkunu jafu fiex wasal il-programm elettorali u xi jmiss fil-ħidma tal-Gvern.”

Mara magħkom...

Tul l-intervista, il-Ministru Dalli tispjega kif dak li għamlet għat-tnedija tal-kampanja tagħha, xejn ma sar b’kumbinazzjoni, mis-slogan sal-għażla tal-post fejn saret it-tnedija. Dalli tibda billi tgħid kif għażlet l-islogan ‘Mara Magħkom’ mhux biss għaliex hi kandidata mara, iżda “jien użajtha għaliex jien dejjem kont mara magħkom...tal-kelma...tal-Partit minn dejjem, ma tlaqtkom qatt,” tispjega Dalli waqt li tinsisti li mhux għax mara, “imma għax naħseb li bħala kwalitajiet, għandi dak li hu meħtieġ biex inkun Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit.”

Helena Dalli qalet ukoll li l-post fejn għażlet biex issir it-tnedija tal-kampanja tagħha wkoll kienet simbolika. Fil-fatt, it-tnedija tal-kampanja ta’ Dalli saret fil-Birgu quddiem il-monument tal-Ħelsien u dwar dan, il-Ministru tgħid li minbarra li l-Ħelsien hu avveniment importanti ħafna fl-istorja tal-Partit Laburista u tal-pajjiż, “jien nieħu l-ħelsien fil-kunċett iktar wiesgħa tal-kelma...il-ħelsien tal-ħsieb u l-ħelsien tal-persuna li tgħix il-ħajja li taħseb li għandha tgħix.” Tkompli titkellem dwar il-ħelsien tal-bniedem, anke mit-tbatija u hawnhekk issemmi ż-żieda fil-paga minima li waslet wara żmien twil ta’ ħidma u diskussjonijiet.

‘Il-PM għaraf li għandi ħafna enerġija u ma niqafx naħdem’

Ir-responsabbiltajiet li jaqgħu l-Ministeru ta’ Helena Dalli huma wiesgħa, u jvarjaw minn affarijiet Ewropej sa relazzjonijiet industrijali, ugwaljanza u djalogu soċjali. Għaldaqstant, din il-gazzetta tistaqsi kif allura tkun tista’ tlaħħaq ma’ iktar ħidma jekk tiġi eletta bħala deputat Prim Ministru. Dalli tibda biex tgħid, “jien dejjem nismagħhom jgħidu biex ix-xogħol tagħtih lil min għandu ħafna x’jagħmel. Jien għandi ħafna enerġija u ma niqafx naħdem, u naħseb li l-Prim Ministru għarfu dan, u għalhekk għabbieni b’iktar xogħol. Min jagħmel ħafna xogħol ifisser li jaħdem. Il-fatt li l-PM jagħtini ċertu responsabbiltajiet huwa unur għalija u huwa ta’ pjaċir għax inħobb naħdem,” temmet tgħid il-Ministru Dalli.

More in Politika