Illum, il-President tal-Parlament Ewropew, Antonio Tajani, iltaqa' mal-Prim Ministru ta' Malta, Joseph Muscat għal rendikont tas-sitt xhur tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill Ewropew. Id-diskussjonijiet iffokaw l-aktar fuq l-immigrazzjoni, b'mod partikolari dwar ir-rowl tal-NGOs fiċ-ċentru tal-Mediterran u dwar is-sitwazzjoni fil-Libja.
Il-President Tajani u l-Prim Ministru Muscat iddiskutew l-opportunità ta' kodiċi ta' imġiba Ewropew li jistabbilixxi linji gwida fir-rigward ta' trasparenza u regoli ta' impenn għal NGOs li joperaw fil-Mediterran. Skont il-President Tajani, jenħtieġu solidarjetà u approċċ reġjonali sabiex jiġu regolati l-iżbarki ta' operazzjonijiet ta' salvataġġ.
Il-President tal-Parlament Ewropew u l-Prim Ministru ta' Malta qablu wkoll dwar il-ħtieġa li jiżdiedu l-isforzi għall-istabbilizzazzjoni tal-Libja u għall-kontroll tal-fruntieri esterni. Fit-tmiem il-laqgħa il-President Tajani iddikjara li, "L-immaniġġjar tal-flussi migratorji mhijiex problema għal għadd żgħir ta' Stati li jinsabu f'żona ġeografika partikolari, hija emerġenza Ewropea. Huwa biss permezz ta' aktar solidarjetà u sens akbar ta' responsabbiltà minn kulħadd li aħna nkunu nistgħu nagħtu risposti effettivi liċ-ċittadini tagħna dwar kwistjonijiet li l-aktar jikkonċernawhom."
Il-President tal-Parlament Ewropew ikkonkluda billi ssottolinja li, "tinħtieġ strateġija Ewropea vera, b'politika komuni dwar ir-refuġjati, rilokazzjoni awtomatika u ekwa ta' persuni li jfittxu asil kif ukoll aktar ftehimiet u proċeduri ta' ripatrijazzjoni effikaċi għal immigranti illegali. Tenħtieġ azzjoni qabel ma l-migranti jirriskjaw ħajjithom fid-deżert jew fuq il-baħar. Huwa għalhekk li neħtieġu Pjan Marshall b'aktar riżorsi għall-Afrika u li naħdmu mal-pajjiżi Afrikani biex insaħħu l-kontrolli tal-fruntieri qabel ma jilħqu d-deżert."