Għaddiet sena mill-bidu taċ-Ċedoli...'u kollha tħallsu l-interessi skont il-ftehim'

It-teżorier tal-PN Alex Perici Calascione f'intervista qal kif sabiex jiġi riorganizzat il-Partit, 'kellhom jittieħdu deċiżjonijiet iebsin u ta' għafsa ta' qalb'

It-teżorier tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione qal kif l-iskema 'Ċedoli' tal-PN, "li kienet tassew suċċess kbir," issa ilha iktar minn sena u tħallsu l-interessi fuq dawn l-istess ċedoli. "Diġà għaddiet sena għal numru minn dawn iċ-ċedoli u kollha tħallsu minn dawn iċ-ċedoli u kollha tħallsu l-interessi skont il-ftehim, u hekk se jibqa' jsir," sostna Perici Calascione, li ftit tal-jiem ilu, flimkien mal-amministrazzjoni tal-PN, iddeċieda li ma jerġax jikkontesta għall-kariga fi ħdan il-Partit.

Waqt intervista mal-gazzetta In-Nazzjon, il-kandidat tal-PN fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet qal kif minkejja li hu mhux se jkun qed jibqa' fil-kariga, fejn tidħol l-iskema ċedoli, "kollox jibqa' miexi eżatt kif ippjanat mingħajr l-iċken effett, u din se tibqa' għaddejja bl-istess serjetà ta' qabel," u wara li diġà tħallsu l-ewwel interessi, "hekk se jibqa' jsir b'konsistenza matul is-snin li ġejjin." Dan, ikompli jgħid Perici Calascione, waqt li l-Partit Nazzjonalista, ma ħoloq l-ebda, "obbligazzjonijiet moħbija ma' xi ħadd."

It-teżorier kompla jispjega li tul dawn l-aħħar snin fejn hu serva f'din il-kariga, "kien żmien diffiċli u iebes ħafna, u kienu jinħtieġu wkoll deċiżjonijiet iebsin, u anke ħafna drabi ta' għafsa ta' qalb, iżda ma kellna assolutament l-ebda triq oħra."

More in Politika