Busuttil deċiż li jirreżenja minn kap tal-PN

Busuttil dwar il-futur tiegħu bħala kap:‘Għidt dak kollu li kelli ngħid u m’għandix xi nżid’ 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil jidher illi huwa deċiż dwar il-futur tiegħu fil-PN, jiġifieri li jirreżenja mill-kariga tiegħu bħala Kap tal-PN, erba’ snin u nofs wara li nħatar.

Mistoqsi mill-gazzetta ILLUM jekk fid-dawl tal-ittri u l-appelli li qed isiru u li qed jiżdiedu biex jibqa’kap tal-PN, jinsabx dispost li jerġa’ jikkunsidra d-deċiżjoni tiegħu li jirreżenja, kelliem tal-PN wieġeb hekk; ‘Simon Busuttil qal dak kollu li kellu jgħid dwar dan is-suġġett fid-diskors tiegħu ta' nhar it-Tlieta u m’għandu xejn xi jżid fuq dak li diġà qal.’

Nhar it-Tlieta, meta kien qed ikellem lill-attivisti tal-partit għall-ewwel darba wara telfa devastanti għall-PN, Busuttil sostna li hu se jirreżenja għax jemmen f’dak li jgħid u għaliex imexxi b’eżempju u bil-fatti.

Nhar il-Ħadd li għadda l-PN sofra l-akbar telfa elettorali ta’ kwalunkwe partit mill-1964 lil hawn, hekk kif akkwista 43.6% jew mal-35,288 vot inqas mill-Partit Laburista jekk tgħodd miegħu wkoll il-voti tal-PD. Il-PN, f’din l-elezzjoni tilef b’distakk qawwi ta’ 48,375 vot fl-ewwel seba’ distretti, tilef it-13-il distrett għall-ewwel darba mill-Indipendenza u rebaħ id-distretti Nazzjonalisti b’distakk ta’ 14,417 biss.

Din kienet it-tielet disfatta b’dan il-marġinu fit-tliet elezzjonijiet nazzjonali  konsekuttivi, bil-PN jitlef b’35,107 fl-2013, b’33,677 vot fl-2014 u issa b’rekord ta’ 35,288 vot.  

Sorsi li tkellmu mal-gazzetta ILLUM sostnew ukoll illi minkejja l-appoġġ minn sezzjoni tal-għeruq tal-PN u numru ta’ Deputati Nazzjonalisti, Busuttil huwa determinat li jieqaf. Dawk li tkellmu magħna qalu li Simon Busuttil, ladarba ħa deċiżjoni mhux se jmur lura u jidher li jinsab deċiż li jżomm mad-deċiżjoni li flimkien ma’ Beppe Fenech Adami, Mario De Marco u t-tmexxija kollha tal-PN hu jirreżenja.

Intant kien id-Deputat Nazzjonalista Robert Arrigo illi ta bidu għal diversi għajtiet biex Busuttil jibqa’ jmexxi lill-PN, meta f’ittra indirizzata lil Busuttil hu qal li l-ebda organizazzjoni m’għandha tbiddel il-Kap Eżekuttiv kull ftit snin u li proġett tal-PN dejjem kien se jkun għat-tul. Huwa ġab eżempju bin-negozju li jmexxi hu u fakkar illi baqa’ għaddej anke meta kien hemm mumenti iebsin.

Intant inbdiet petizzjoni onlajn ukoll erbat ijiem ilu, li sal-bieraħ f’nofsinhar kienet iffirmata minn 5,695 persuna. Din il-petizzjoni tgħid li għalkemm il-PN ma ġabx ir-riżultat li xtaq Busuttil xorta għandu jibqa’. 

Il-PN fl-aħħar elezzjonijiet fid-Distretti Nazzjonalisti
Il-PN fl-aħħar elezzjonijiet fid-Distretti Nazzjonalisti

More in Politika