Francis Zammit Dimech il-favorit għal Brussell

Wara li Therese Comodini Cachia ddeċidiet li żżomm is-siġġu fil-Parlament Malti, possibbilment Zammit Dimech ikun fi triqtu lejn Brussell

Il-post vakanti li se tħalli fi Brussell il-Membru Parlamentari Ewropew Therese Comodini Cachia, possibbilment jimtela' mill-eks Ministru Francis Zammit Dimech wara li huwa l-favorit għal dan.

Wara li biddlet fehemtha u ddeċidiet li se tkun qed iżżomm is-siġġu fil-Parlament Malti wara li ġiet eletta fuq it-tmien distrett, Comodini Cachia se tkun qed tħalli post vojt fil-Parlament Ewropew. 

Jekk wieħed iħares lejn ir-riżultat tal-elezzjoni lura fl-2014, wara Therese Comodini Cachia, l-iktar persuna li ġabet voti kien l-eks Ministru u kandidat mhux elett f'din l-elezzjoni Francis Zammit Dimech, b'15,440 vot. Wara Zammit Dimech, l-iktar persuna li kisbet voti kienet Raymond Bugeja.

Minkejja li huwa l-favorit, kollox jiddependi mill-voti tat-tieni preferenza ta' Comodini Cachia.

Zammit Dimech falla milli jikseb siġġu fil-Parlament Malti f'din l-elezzjoni ġenerali, hekk kif fl-għaxar distrett, huwa nqabeż minn Marlene Farrugia u Karl Gouder bħala kandidati eletti.

More in Politika