Sejħiet għar-riżenja ta' May wara li tilfet il-maġġoranza fir-Renju Unit

L-elezzjonijiet ġenerali bikrija fir-Renju Unit ħallew lill-Konservattivi b'inqas siġġijiet minn kemm kellhom qabel l-elezzjoni

Il-Prim Ministru Ingliż u Kap tal-Konservattivi, Theresa May waqt it-tnedija tal-manifest tal-Partit
Il-Prim Ministru Ingliż u Kap tal-Konservattivi, Theresa May waqt it-tnedija tal-manifest tal-Partit

L-elezzjonijiet ġenerali bikrija fir-Renju Unit ġiet imsejħa mill-Prim Ministru Theresa May sentejn biss wara l-elezzjoni li għaddiet, u dan għamlitu bil-għan li tikseb mandat iktar b'saħħtu għal iktar stabbiltà qabel id-diskussjonijiet għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.

Minkejja dan, il-pjan falla hekk kif il-Konservattivi tilfu l-maġġoranza li kellhom qabel l-elezzjoni, biex issa dawn ikollhom jiggvernaw bi gvern ta' minorità, jew inkella jingħaqdu f'koalizzjoni ma' partit ieħor. Fil-fatt, il-Partit Konservattiv spiċċa biex kiseb inqas siġġijiet fil-Parlament, minn kemm kellu qabel ġiet imsejħa din l-elezzjoni, b'318-il siġġu, 261 għall-Partit Laburista u 35 għall-Scottish National Party.

Il-Partit Laburista Ingliż akkwista numru kbir ta' siġġijiet, waqt li kabbar l-appoġġ li kellu, meta mqabbel mal-elezzjoni ta' sentejn ilu. Minħabba dan ir-riżultat, il-mexxej tal-Partit Laburista Ingliż, Jeremy Corbyn sejjaħ għar-riżenja tal-Prim Ministru May. Fil-fatt, il-Partit Laburista rnexxielu jżid l-ammont ta' siġġijiet tiegħu b'29, waqt li l-Partit Konservattiv tilef 13-il siġġu.

Il-Partit Skoċċiż SNP ukoll naqqas ħafna mill-appoġġ tiegħu, għaldaqstant it-tieni referendum dwar l-indipendenza tal-Iskozja li kien imwiegħed qabel l-elezzjoni, jaf jiġi maqbuż.

More in Politika