aġġornata | Marlene Farrugia eletta...tieħu post George Pullicino

George Pullicino jgħid li mhux se jkun elett f'din l-elezzjoni, wara 21 sena fil-Parlament, 15 minnhom bħala Ministru

Il-Kap tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia ġiet eletta fuq l-għaxar distrett. Minħabba f'hekk, l-eks Ministru u Deputat veteran tal-PN, George Pullicino mhux se jiġi elett. B'hekk, b'Marlene Farrugia titla' taħt l-isem tal-Partit Demokratiku, se jkun hemm it-tielet partit fil-Parlament wara iktar minn 50 sena.

Fuq il-paġna tiegħu ta' Facebook, Pullicino ħabbar li mhux se jkun qed jiġi elett f'din l-elezzjoni, wara 21 sena jservi fil-Parlament, u 15 bħala Ministru. Dan minkejja li mal-ewwel għadd, huwa deher li kien jinsab fit-tielet post fl-ammont ta' voti.

Fil-fatt, wara li ġie elett mal-ewwel count fuq l-għaxar distrett, Robert Arrigo għall-PN, bdiet it-tellieqa sabiex jitilgħu aktar deputati. Minħabba li dan id-distrett intrebaħ mill-Partit Nazzjonalista b'60% tal-voti, mistennija li jkunu eletti 3 deputati f'isem il-PN. Fuq il-lista tal-PN, wara Arrigo, l-aktar persuna li ġabet voti hi fil-fatt Marlene Farrugia. Warajha jiġu l-eks deputat Nazzjonalista Karl Gouder, George Pullicino u Nick Refalo.

Farrugia hija l-unika kandidata tal-Partit Demokratiku li baqgħet fit-tellieqa sabiex tikseb siġġu fil-Parlament, wara li anke l-eks whip tal-Gvern Godfrey Farrugia ġie eliminat mal-20 count fuq is-seba' distrett.

More in Politika