‘Kien l-akbar unur ta’ ħajti li nservikom’

Joseph Muscat jagħlaq il-kampanja elettorali b’messaġġ qawwi u jgħid li ‘se nkun qed naqla’ d-daqqiet jien biex niddefendi l-pajjiż’

ritratt: Chris Mangion
ritratt: Chris Mangion

F’dak li huwa l-aħħar mass meeting tal-Partit Laburista għal din il-kampanja elettorali għall-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt 3 ta’ Ġunju, il-Prim Ministru Joseph Muscat kellu messaġġ b’saħħtu, u saħaq li “kien l-akbar unur ta’ ħajti li nservikom.”

Fl-aħħar diskors tal-kampanja elettorali, Muscat qal li jekk il-poplu jaħseb li huwa biżżejjed li jieqaf f’nofs triq, hu jkun qed ibaxxi rasu, u għalhekk, “din tkun l-aħħar opportunità biex nirringrazzjakom tal-imħabba li wrejtu miegħi.” Imma min-naħa l-oħra, jekk il-poplu jerġa’ jiddeċiedi li ma jiqafx nofs triq, “se nkun qed inkompli niddefendi lilkom. Lest li naqla’ d-daqqiet li hemm bżonn biex niddefendi l-pajjiż u lil kull wieħed u waħda minnkom, u biex ngħolli l-pajjiża ’l fuq.” Muscat kompla jsostni li mhux sodisfatt li Malta tkun biss l-aqwa fl-Ewropa, imma trid tkun ukoll l-għira tad-dinja.”

ritratt: Chris Mangion
ritratt: Chris Mangion

Muscat, quddiem folla kbira ta’ nies f’Ħal Far, saħaq li wara disa’ snin imexxi l-Partit Laburista u erba’ snin bħala Prim Ministru, “nista’ niġi hawn b’idi fuq il-kuxjenza, sodisfatt bil-ħidma li għamilna flimkien. Għamilna ħafna tajjeb u dan mertu tagħkom. Il-ħażin nerfa’ r-responsabbiltà tiegħu jien.” Muscat żied jgħid li hu kien sempliċiment l-istrument li wettqet il-bidla b’dan il-pajjiż. “Kont sempliċiment is-serv ta’ dan il-poplu tant kbir. Grazzi ta’ dan il-proġett meraviljuż.”

Ritratt tal-massa li attendiet il-mass meeting tal-PL
Ritratt tal-massa li attendiet il-mass meeting tal-PL
ritratt: Chris Mangion
ritratt: Chris Mangion

F’diskors imqanqal dwar il-futur, Muscat qal kif fl-aħħar jum tal-Malta Tagħna Lkoll, qed jintradd lura pajjiż aħjar. “Iwritna pajjiż imxennaq għall-bidla u li ried jinqala’ mill-medjokrità li kien imdorri fiha. Qegħdin nagħtu lura pajjiż li għandu iktar xogħol, inqas taxxi, pensjonijiet għola, drittijiet ċivili aħjar. Illum, kull omm u missier nafu li uliedna se jkunu aħjar minna.”

F’Ħal Far, Muscat f’diversi mumenti, ġab paragun bejn iż-żewġ naħat tal-għażla li għandu quddiemu l-elettorat fejn saħaq li dik ta’ nhar is-Sibt, mhix għażla bejn aħmar u blu, imma hija għażla ta’ stil ta’ politika. “Bejn min jammetti li għamel l-iżbalji u jitgħallem, imma wkoll nammetu li għamilna ħafna u ħafna u ħafna tajjeb. Fuq in-naħa l-oħra għandek min jaħseb li huwa perfett u ma jirrikonoxxix l-iżbalji tal-passat.” Inisista li l-oppożizzjoni offriet biss negattività u kritika.”

Il-Prim Ministru insista li matul dawn l-aħħar erba’ snin, il-Partit Laburista żamm kelmtu fil-wegħdiet li għamel, fejn semma fost l-oħrajn iż-żieda fil-pensjonijiet, it-tnaqqis fit-taxxi u ċ-childcare b’xejn. Muscat kompla jinsisti li “ħadd ma jista’ jgħidilna biex nagħżlu Malta, jekk aħna Malta.”

More in Politika