STĦARRIĠ | Muscat jagħmel avvanzi fost iż-żgħażagħ u l-iswitchers

  • 44.2% tal-iswitchers jafdaw lil Muscat u 30.2% lil Busuttil
  • 48% tal-votanti ġodda qed jappoġġjaw lill-PL, 30% lill-PN
  • 22% ma jgħidux kif se jivvotaw jew 'ma jafux'

Joseph Muscat jibqa' fuq quddiem, imma...
Joseph Muscat jibqa' fuq quddiem, imma...

Il-gazzetta oħt Maltatoday illum ippubblikat il-ħames u l-aħħar stħarriġ qabel l-elezzjoni ġenerali ta' nhar is-Sibt li ġej. Il-ħames stħariġ li jsir mill-ġurnalist James Debono kien qiegħed konsistentement juri vantaġġ favur il-PL, maġġoranza relattiva li tafda lil Muscat aktar minn Busuttil, imma wkoll, persentaġġ qawwi ta' nies li kienu indeċiżi jew li ma riedux jwieġbu. 

Minkejja li dawn it-tliet xejriet huma kkonfermati f'dan l-istħarriġ ukoll, il-Partit Laburista u Joseph Muscat ra żieda fl-appoġġ u fil-fiduċja rispettivament. F'żewġ setturi ta' votanti kruċjali li dan is-sit ġimagħtejn ilu fakkar li se jkun importanti biex jiddetermina r-riżultat, Muscat għamel avvanzi elettorali. 

14% aktar eks Nazzjonalisti jappoġġjaw lil Muscat minn Busuttil

L-iswitchers, dawk il-votanti li fl-2008 ivvutaw lill-PN u fl-2013 ivvutaw lill-Partit Laburista jidher li fl-aħħar jiem reġgħu qed jersqu lura lejn il-PL anke jekk il-PN xorta rnexxielu jieħu lura persentaġġ minn dawn il-votanti. Joseph Muscat huwa fdat minn 44.2% ta' dawn il-votanti, ikkumparat mat-30.2% li jafdaw f'Simon Busuttil. Dan ifisser differenza ta' 14% bejn iż-żewġ mexxejja. 

6.7% aktar switchers se jivvutaw PL, imma 22.3% indeċiżi

Meta jiġi għall-intenzjoni tal-vot fost l-iswitchers, 39.5% qed jgħidu li se jivvutaw lill-Partit Laburista filwaqt li 30.2% qed jgħidu li se jivvutaw PN. Dan ifisser distakk ta' 9%, l-akbar distakk fost dan is-settur fl-aħħar sondaġġi. Minkejja dan 22.3% qalu li ma jafux kif se jivvutaw, u 2.3% qed jgħidu li se jivvutaw lill-Partit Demokratiku, li fil-fatt jgħodd bħala vot lill-PN u allura id-distakk jinżel għal 6.7%

Dan ifisser illi fost dan is-settur Muscat għandu prospett li jikber b'4.7% jekk dawk li jafdaw lilu, fil-fatt jivvotaw lill-PL. Busuttil għandu prospett li jikber fost l-indeċiżi, għalkemm anke Muscat jista' jakkwista minn hawn. 

Muscat 16% aktar fdat fost dawk li se jivvutaw għall-ewwel darba, 23.5% indeċiżi

Intant jidher illi Joseph Muscat għamel avvanzi konsiderevoli fost iż-żgħażagħ, l-aktar dawk li se jivvutaw għall-ewwel darba. Fost dawn, skont l-istħarriġ ta' Debono Muscat huwa fdat minn 48% tal-votanti ġodda filwaqt li Busuttil huwa fdat minn 32.4%. Minn dan is-settur 16% ma jafux lil min jafdaw l-aktar. 

Dawk kollha li jafdaw lil Muscat se jivvotaw PL. Minn naħa l-oħra 30.2% qed jgħidu li se jivvutaw PN. Dan ifisser li Simon Busuttil għandu 2.4% fejn jikber. 

F'dan il-grupp 23.5%  għadhom indeċiżi kif se jivvutaw. Fost il-votanti l-ġodda, ħadd ma qal li se jivvota PD. 

L-iswitchers tal-2017...

Intant kostanti wkoll kien persentaġġ ta' votanti li se jkunu qed ibiddlu l-partit li vvutaw għalih fl-2013. L-istħarriġ juri illi mal-4% ta' dawk li vvutaw PN, issa se jivvutaw lill-Labour. Min-naħa l-oħra 5.8% ta' dawk li vvutaw PL fl-2013 issa se jivvutaw PN. 

Intant il-PN baqa' jiddomina fost dawk li fl-2013 ma vvutawx, sinjal ċar li ħafna minn dawn il-votanti kienu Nazzjonalisti li ma ridux jivvutaw. Fil-fatt, 41.2% qed jgħidu li se jivvutaw PL, filwaqt li huma 11.8% biss li se jivvutaw PL. 

23.5% huma indeċiżi, filwaqt li fost dawn 14.7% ma jridux jivvutaw. 

Distakk ta' 5% bejn il-partiti u 6.3% jekk l-indeċiżi jinqasmu

Finalment l-istess stħarriġ juri li bejn il-partiti bħalissa hemm distakk ta' 5%, Mistoqsijin lil min jivvutaw f'elezzjoni 40.4% qalu li jivvutaw lill-Partit Laburista, filwaqt li 35.5% qalu li jivvutaw lill-PN u lill-PD. Jekk wieħed jestrapola u għalhekk ineħħi lil dawk li huma indeċiżi jew inkella li ma jridux iwieġbu (22%) 52.7% se jivvutaw lill-Partit Laburista u 46.3% se jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista. 

Din hija differenza ta' 6.4%, jew bejn wieħed u ieħor distakk ta' 18,000 favur il-Partit Laburista fost dawk li huma deċiżi. Dan id-distakk jista' imma faċilment jinbidel bil-persentaġġ ta' dawk il-votanti li għadhom indeċiżi jew ma jafux kif se jivvutaw. 

More in Politika