Jitla’ min jitla’, teħodhom żgur...x'inhuma l-proposti komuni bejn iż-żewġ partiti?

1,245 proposta bejn iż-żewġ manifesti, imma x’inhuma l-proposti komuni bejniethom?

Il-manifesti elettorali tal-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista
Il-manifesti elettorali tal-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista

Issa li l-kampanja elettorali fadlilha biss ftit jiem sabiex tintemm, u ż-żewġ partiti ppreżentaw il-manifesti tagħhom lill-elettorat, fadal biss li wieħed janalizzahom, jixtarrhom u jara x’qegħdin joffru. Bejniethom, iż-żewġ partiti l-kbar qegħdin jippreżentaw iktar minn 1,000 proposta, preċiżament 1,245 fuq numru ta’ oqsma differenti, fost l-oħrajn is-soltu oqsma bħall-ekonomija, is-saħħa, l-edukazzjoni, l-ambjent u t-trasport.

Għall-ewwel darba, il-Partit Nazzjonalista ħareġ b’żewġ programmi elettorali mmirati speċifikament għal taqsimiet partikolari tas-soċjetà, b’100 proposta kull wieħed, u dan lil hinn mill-521 proposta tal-programm elettorali ewlieni. Min-naħa l-oħra, il-Partit Laburista nieda l-manifest elettorali tiegħu l-ġimgħa li għaddiet, bi 18-il taqsima differenti, b’total ta’ 724 proposta.

Uħud minn dawn il-mijiet ta’ proposti, sabu posthom bi prominenza saħansitra fuq it-toroq fil-billboards, fuq it-TV, jew fuljetti d-dar, b’oħrajn mill-banda l-oħra, baqgħu moħbija f’xi kantuniera tal-manifesti rispettivi.

Numru mill-proposti, wieħed seta’ jinnota li kienu simili jekk mhux identiċi għal dawk tal-partit l-ieħor, bl-akkużi li l-proposti ġew ikkuppjati jew ġew ispirati minn xi proposti jew dokumenti oħrajn. Għaldaqstant, l-elettorat prattikament għandu ċ-ċertezza li fejn jidħlu numru ta’ proposti, jitla’ min jitla’ fil-Gvern, dawn il-proposti għandhom jitwettqu. Fil-fatt, l-ILLUM tat ħarsa lejn numru ta’ proposti f’diversi oqsma li huma identiċi jew simili fil-manifesti taż-żewġ partiti.

Aċċess għal Għawdex

Dwar il-konnettività bejn Malta u Għawdex, iż-żewġ partiti qablu li għandu jkun hemm mina, bix-xogħol jibda immedjatament. Fil-manifest, il-PL qal kif l-istudji ġeoloġiċi se jkunu qed jitkomplew, filwaqt li qal li l-pass li jmiss huwa li jinħareġ expression of interest.

Is-servizz tal-fast ferry hu wkoll imwiegħed fiż-żewġ programmi elettorali, bil-PN jgħid li din tkun lesta wara l-ewwel sena ta’ Gvern Nazzjonalista. Il-PL qal li diġà ħarġet sejħa pubblika għal dan, u spjega kif vjaġġ bejn Għawdex u l-Belt, għandu jieħu inqas minn 45 minuta.

Taxxa inqas għall-part-time

Iż-żewġ manifesti inkludew proposta li kull min jaħdem xogħol part-time, se jkun qed jara t-taxxa tiegħu tonqos minn 15% għal 10%, anke jekk il-ħaddiem ikun self-employed.

Titkompla l-iskema tal-ewwel proprjetà

Il-manifest Laburista jwiegħed li jżomm l-iskemi diġà eżistenti għal min irid isir sid ta’ daru għall-ewwel darba. Il-PN min-naħa tiegħu, minbarra li jżomm tali skema, ikun qed iżid ukoll mal-persuni eleġibbli, dawk li fuq isimhom ikollhom diġà xi proprjetà li iżda mhix residenzjali, bħal xi garaxx jew qabar.

Sptar għas-saħħa mentali qrib Mater Dei

Iż-żewġ manifesti wrew l-impenn tagħhom biex ineħħu l-istigma minn fuq il-kura tas-saħħa mentali, billi jinbena sptar speċjalizzat fil-kura psikjatrika qrib Mater Dei, biex ma jibqax jintuża l-Isptar Monte Carmeli għal dan il-għan.

Trasport tal-iskola b’xejn għall-istudenti kollha

Iż-żewġ partiti rrikonoxxew il-problema tat-traffiku fit-toroq, partikolarment fil-ħinijiet ta’ filgħodu, u għal dan il-għan, it-tnejn li huma qed iwiegħdu li jibdew joffru trasport lejn l-iskola mingħajr ħlas lill-istudenti kollha, irrelevanti jekk humiex ġejjin minn skola tal-Gvern, tal-Knisja, jew Indipendenti. Din il-proposta kienet saret mill-PN xhur ilu fid-dokument dwar it-traffiku. Il-manifest Laburista qed jipproponi li minbarra dan is-servizz, ikun hemm superviżjoni tul il-vjaġġ.

Estensjonijiet fis-servizz taċ-childcare

Iż-żewġ partiti qalu li l-iskema taċ-childcare b’xejn kienet waħda ta’ suċċess f’dawn l-aħħar erba’ snin. Għaldaqstant, it-tnejn li huma ħarġu bi proposti biex jibnu fuq is-servizz diġà eżistenti. Il-Partit Nazzjonalista fil-programm elettorali qed iwiegħed li s-servizz b’xejn jiġi estiż anke għal dawk it-tfal li l-ġenituri tagħhom ma joħorġux jaħdmu. Il-manifest Laburista jipproponi li jinfetħu ċentri għall-ħiniijet ta’ filgħaxija meta l-ġenituri jkunu jaħdmu fuq bażi ta’ xifts, filwaqt li jiżdied in-numru ta’ ċentri biex ikunu iktar faċilment milħuqa.

Trasport pubbliku b’xejn

Kull manifest fih għadd ta’ inċentivi dwar it-trasport pubbliku, sabiex ikun hemm iktar nies li jagħmlu użu minnu. Fil-fatt, iż-żewġ programmi elettorali qed iwiegħdu trasport pubbliku b’xejn lill-istudenti u l-anzjani. Minbarra dan, il-PL qed iwiegħed ukoll li minbarra l-istudenti u l-pensjonanti, jibbenefikaw ukoll it-tfal u l-persuni b’diżabbiltà.

Ugwaljanza fiż-żwieġ

Wara d-dħul tal-Unjoni Ċivili lura fl-2014, iż-żewġ partiti qed jipproponu bidla fl-isem, biex finalment ikun hemm ugwaljanza wkoll fiż-żwieġ, bil-possibbiltà ta’ żwieġ ukoll għall-persuni tal-istess sess.

Titjib fil-pensjonijiet

L-anzjani qed jieħdu prijorità fiż-żewġ programmi elettorali, b’listi twal ta’ proposti għal titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-anzjani u pensjonanti. Fil-fatt, fost il-proposti u wegħdiet f’dan is-settur, il-PN wiegħed li l-pensjoni minima nazzjonali, tilħaq il-paga minima nazzjonali. Fl-istess waqt, il-PL qal li se jkun qed jagħti ż-żieda maqbula dwar il-paga minima lill-pensjonanti, bil-mira li jkun hemm żieda ta’ €8 fil-ġimgħa.

Żieda għall-anzjani 75+

Il-benefiċċju mogħti lill-anzjani li jkollhom iktar minn 75 sena u li jkunu għadhom jgħixu fi djarhom, għandu jara żieda ta’ €200, għal €500. Din il-wegħda saret fiż-żewġ programmi elettorali.

Sick leave għall-mard tat-tfal

Iż-żewġ partiti qed jipproponu li fl-eventwalità li t-tfal ikunu morda, il-ġenituri jkunu jistgħu jieħdu ġranet mis-sick leave li huma intitolati għalih sabiex jieħdu ħsieb lil uliedhom.

Żieda u titjib fil-Maternity Leave

Il-leave tal-maternità ngħata importanza miż-żewġ partiti, bit-tnejn li huma jsemmu l-leave tal-paternità wkoll. Il-Partit Laburista qed jipproponi kunċett ta’ family leave fejn il-leave tal-omm u tal-missier jista’ jingħaqad flimkien u jinqasam skont il-bżonnijiet tal-familja. Il-programm elettorali tal-PN isemmi konsultazzjoni mal-MCESD għal żieda ta’ erba’ ġimgħat mal-leave tal-maternità u introduzzjoni ta’ erba’ ġimgħat ta’ leave tal-paternità.

Titjib fiċ-children’s allowance

Proposta identika fiż-żewġ manifesti hi dik taċ-children’s allowance, b’żieda ta’ €100, minn €450 għal €550, waqt li familji bi dħul baxx, jiggwadanjaw minn żieda ta’ €200.

Ħlas indaqs għal xogħol indaqs

Iż-żewġ programmi elettorali jinsistu fil-ġlieda kontra l-inġustizzji fil-pagi. Għaldaqstant, fit-tnejn li huma, qed jiġi propost il-kunċett ta’ equal pay for equal work, fejn kull ħaddiem li qed jagħmel l-istess xogħol, jiġi mħallas bl-istess paga.

Djar residenzjali għall-persuni b’diżabbiltà

Wara li kien hemm numru ta’ djar għall-persuni b’diżabbiltà fil-komunità, iż-żewġ partiti qed iwiegħdu li dan in-numru jkompli jiżdied. Il-Partit Laburista żied jgħid li f’dawn id-djar, għandhom jitjiebu u jiżdiedu s-servizzi offruti, fosthom programm ta’ smarthomes bl-aħħar tekonoloġija.

Il-problema tal-housing

Iż-żewġ partiti wiegħdu fil-manifesti rispettivi tagħhom li jindirizzaw il-problema ta’ housing soċjali billi jinbnew numru ta’ appartamenti ġodda tal-Gvern. Il-PL qal ukoll li diġà hemm pjanati mas-650 unit, li se jinbnew fit-tliet snin li ġejjin, u 400 oħra fuq perjodu ta’ 5 snin.

L-aħjar opportunitajiet minn Brexit

Il-ħruġ tar-Renju Unit mistenni jġib miegħu diversi opportunitajiet għall-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, iż-żewġ manifesti għarfu jinkludu punt dwar kif mistennija jisfruttaw l-aktar mill-opportunitajiet ta’ dan il-ħruġ. Il-PL qed iwiegħed task force bejn il-Gvern u l-Malta Enterprise, biex taħtaf l-opportunitajiet li jaslu. Bl-istess mod, il-PN qed iwiegħed li jinħatar mibgħut speċjali sabiex ikun qed jilqa’ għal xi effetti negattivi mill-Brexit, waqt li jisfrutta l-opportunitajiet.

Pajjiżna bħala ċentru tal-FinTech

Iż-żewġ partiti rrikonoxxew l-importanza tas-settur finanzjarju u dak tal-informatika. Iż-żewġ programmi elettorali jitkellmu dwar potenzjal li għandu l-pajjiż sabiex isir ċentru ewlieni fir-reġjun, u anke internazzjonalment.

Tax rebates fuq il-kura tas-saħħa privata

Sabiex jitnaqqas il-piż minn fuq l-isptar ċentrali, iż-żewġ manifesti jitkellmu fuq tnaqqis ta’ taxxi permezz ta’ tax breaks, tax credits u rebates għal min iħallas polza tal-kura tas-saħħa privata.

Bordijiet bilanċjati

Wegħda favur iktar bilanċ u ugwaljanza hi dik li jkun hemm iktar bilanċ fil-ħatriet f’bordijiet. Il-Partit Laburista qed iwiegħed li fejn jidħlu ħatriet pubbliċi, il-bordijiet ta’ entitajiet maġġuri jkollhom minimu ta’ 40% tas-sess l-inqas rappreżentat. Il-PN, min-naħa tiegħu wiegħed li minn tal-inqas nofs il-membri ta’ bordijiet pubbliċi, ikunu kollha nisa.

Servizz ta’ terapija ormonali

Il-Partiti qed jitkellmu fl-istess sens, dwar drittijiet għall-LGBTIQ meta qed jgħidu li għandu jkun hemm servizzi ta’ terapija ormonali. Il-PL qed jgħid li għandu jitwaqqaf gender clinic biex jagħti iktar servizzi lill-persuni trans, intersex u queer. Il-PN qed iwiegħed klinika fejn minbarra terapija ormonali, u operazzjonijiet għall-persuni trans.

Iktar ċentri tas-saħħa mal-pajjiż

Il-kura primarja qed tingħata attenzjoni fil-manifesti elettorali, bit-tnejn li huma jwiegħdu l-bini ta’ ċentru tas-saħħa fit-Tramuntana tal-pajjiż u ieħor fiċ-ċentru, u dan minbarra ta’ Raħal il-Ġdid li diġà nbeda x-xogħol fuqu.

Jonqos il-piż fuq l-għalliema

L-għalliema ngħataw importanza fiż-żewġ programmi elettorali, b’enfasi fuq tnaqqis tal-piż fuq l-għalliema biex ikunu jistgħu jiffukaw iktar fuq it-tagħlim, waqt li jitjiebulhom il-kundizzjonijiet tagħhom.

Jitneħħew il-ħlasijiet minn fuq l-eżamijiet tal-Matsec

Il-ħlasijiet minn fuq l-eżamijiet tal-Matsec għandhom jitneħħew minn fuq l-istudenti, skont il-proposti taż-żewġ partiti.

L-ebda proġett fuq ODZ

Iż-żewġ manifesti kkommettew ruħhom sabiex jipproteġu l-art fiż-żona ta’ barra l-iżvilupp u wiegħdu li fuq din l-art, ma jsirux proġetti. Il-manifest Laburista jorbot lill-PL li ma jsiru l-ebda proġetti maġġuri f’dawn iż-żoni. Min-naħa l-oħra, il-programm elettorali Nazzjonalista jorbot lill-PN li din iż-żona tiġi protetta filwaqt li biex jiġi awtorizzat proġett fuq ODZ, id-diskrezzjoni ma tibqax tal-Prim Ministru, imma l-aħħar kelma tingħata lill-Parlament.

Ċimiterju għall-annimali

Hekk kif din hija proposta li tista’ tinstab fiż-żewġ manifesti elettorali, mistenni jinbena ċimiterju għall-annimali. Il-Partit Nazzjonalista jżid jgħid ukoll li għandu jinbena wkoll krematorju għal dawn l-annimali.

More in Politika