‘Joseph Muscat tradixxa lill-Għawdxin’

F’Għawdex, Simon Busuttil jisħaq li Joseph Muscat ħa l-Isptar minn wara daharhom

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil sostna li l-isptar ġenerali t’Għawdex “insteraq minn ħalq il-poplu Għawdxi u ttieħed taħt sħaba ta’ korruzzjoni.”

Waqt li kien qed jitkellem f’konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-isptar ġenerali t’Għawdex, Busuttil qal kif hu dubjuż il-mod ta’ kif ġie privatizzat l-isptar, bis-sejħa għall-interess tiftaħ fis-27 ta’ Marzu 2015 u tagħlaq inqas minn xahrejn wara. “Ara kif jista’ xi ħadd li ma jkunx jaf bl-intenzjonjiet tal-Gvern, jagħmel ir-riċerka tiegħu biex jitfa’ l-applikazzjoni tiegħu,” sostna  Busuttil.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni żied jgħid li l-kumpanija magħżula, ingħatat il-konferma li ntagħżlet f’Ġunju, jiġifieri tliet xhur biss wara li nfetħet is-sejħa. “Dan juri b’mod ċar li kien hemm ħadma kbira. Lanqas biss nafu min huma s-sidien li qed imexxu dawn l-isptarijiet. Il-wegħdiet li għamlu huma kollha fierħa u xejn minhom ma twettaq, minkejja li s’issa ħadu mat-€80 miljun.”

F’ġurnata li l-PN qed jiddedika għal Għawdex, b’mass meeting ukoll fil-gżira, illejla, Simon Busuttil sostna l-wegħdiet tiegħu għal Għawdex bl-iktar wegħda primarja hi li jingħata lura lill-Għawdxin. Żied jgħid li, “se nippubblikaw il-kuntratti dwar l-isptarijiet u jiġu investigati kif suppost, għax fih kienu involuti Keith Schembri u Konrad Mizzi, li f’kull ħaġa li ddeffsu, nstab li kien hemm id-dubju, is-suspett u ħafna drabi anke l-korruzzjoni.”

More in Politika