‘Il-Proposti tal-PN iwasslu għal 14% defiċit’

Il-PL saħaq li l-programm elettorali tal-PN se jiswa lill-pajjiż €1.3 biljun, jew kważi 14% tal-ġid nazzjonali

ritratt: Chris Mangion
ritratt: Chris Mangion

Waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li dak li qed iwiegħed il-Partit Laburista fil-manifest elettorali għal din l-elezzjoni, jista’ jsir u li l-pajjiż jiflaħ iħallas għalih. “Min-naħa l-oħra, il-ftit kalkoli li għamel Simon Busuttil huma żbaljati, u jekk jagħmel dak kollu li qed iwiegħed, se jfalli l-pajjiż.”

Min-naħa tiegħu, il-Minsitru Edward Scicluna qal li l-Partit Nazzjonalista għamel kalkoli żbaljati għall-proposti tiegħu, waqt li insista li dawn se jkunu qed jiswew lill-pajjiż mal-€1.3 biljun jew kważi 14% tal-ġid nazzjonali. Sostna li dawn il-proposti jpoġġu l-istabbiltà ekonomika f’riskju.

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna insista li l-proposti tal-Partit Nazzjonalista jwasslu għall-pajjiż biex jidħol f’Excessive Deficit Procedure, jew jiżdiedu t-taxxi jew inkella l-wegħdiet ma jitwettqux.

Scicluna elenka numru ta’ wegħdiet li kien għamel il-Partit Nazzjonalista lura fl-2008, fejn Simon Busuttil kien wieħed mill-awturi tal-manifest, li iżda fil-leġiżlatura tiegħu ma kinux twettqu. Fost l-oħrajn semma għadd ta’ proġetti bħall-White Rocks, u ammont ta’ Fondi mill-Unjoni Ewropea għall-ambjent.

Indirizza wkoll il-konferenza tal-aħbarijiet il-kandidat Gavin Gulia li sostna li b’ammissjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni stess, din l-elezzjoni mhux se tkun ibbażata fuq il-proposti iżda fuq il-prinċipji.

More in Politika