‘Simon Busuttil għandu opportunità ma jaħdimx kontra l-pajjiż’

Iċ-chairman tal-MFSA Joe Bannister mistenni jirreżenja mill-kariga sa tmiem din is-sena

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal kif f’dan ‘l-attakk fuq pajjiżna u s-sistema fiskali tagħha’, il-Kap tal-Oppożizzjoni għandu, “l-opportunità li ma jaħdimx kontra l-pajjiż,” waqt li insista li se jkun qed jagħmel dak li huwa possibbli biex ma jkunx hemm politiċizzar tas-sistema. Għal darb’oħra, Muscat semma kif fil-każ tal-Malta Files, hemm numru ta’ persuni msemmija li huma qrib il-Partit Nazzjonalista, li fost l-oħrajn semma lil iben l-eks Prim Minstru Lawrence Gonzi, David Gonzi u Francis J Vassallo, “li f’mass meeting tal-PN, mar jippreitka favur it-trasparenza.” Minkejja dan, Muscat qal li se jkun qed jiddefendihom, u lil kull min hu inovolut.

Waqt li kien qed jitkellem dwar proposti għas-settur finanzjarju, Muscat qal kif qed jistenna sinjal ta’ rieda tajba mingħand l-Oppożizzjoni. Dwar dan il-każ, Muscat saħaq li hu “lest li nikkollaboraw fuq kollox, bla kundizzjonijiet.”

“Is-sistema tagħna hi totalment trasparenti, għaliex tapplika għall-kumpanjiji kollha, mhux b’sistemi differenti għall-kumpaniji differenti. Imiss li l-attak isir fuqna issa, għaliex aħna kompetittivi, u jien se niddefendi d-dritt tagħna li nkunu kompetittivi,” saħaq Muscat

B’reazzoni għal dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni, iktar kmieni dalgħodu waqt konferenza tal-aħbarijiet li bħala Prim Ministru, hu jagħmel ‘high level expert group’ sabiex ikunu ffukati fuq is-settur finanzjarju, il-Prim Ministru insista li dan diġà jeżisti u ilu jiffunzjoni erba’ snin, waqt li jiltaqa’ b’mod regolari u hu rappreżentat minn għadd ta’ kumpaniji f’dan il-qasam.

Dwar iċ-chairman tal-Malta Financial Services Authority (MFSA), Joe Bannister, il-Prim Ministru qal li dan se jkun qed jirreżenja mill-kariga tiegħu sa tmiem din is-sena. Muscat tkellem ukoll dwar riorganizazzjoni fi ħdan l-MFSA, b’ħolqien ta’ rwol eżekuttiv ta’ CEO. Sostna wkoll li l-Manifest tal-PL, jinkludi wkoll bidliet sabiex il-persuna proposta f’kariga bħal din, ikollha smigħ quddiem il-Parlament.

B’referenza għal dak li qal il-Prim Ministru stess waqt il-mass meeting tal-bieraħ fl-Imqabba dwar il-każ tal-Panama, fejn sostna li kellu jżomm lil dawn il-persuni minħabba proġetti importanti li kienu qed jagħmlu, Muscat sostna, li fil-każ ta’ Konrad Mizzi, il-futur tiegħu se jkun qed jiġi deċiż mill-poplu, filwaqt li Keith Schembri se jkun qed jirreżenja jekk ikun hemm xi tip ta’ każ jew investigazzjoni kriminali kontrih.

More in Politika