
'Ibżgħu jekk jibqa' l-Partit Laburista fil-Gvern'
L-eks Ministru u deputat tal-Gvern Godfrey Farrugia jgħid li hu se jibqa' dak li dejjem kien, 'it-torċa tal-onestà'

More in Politika
L-eks Ministru u deputat tal-Gvern Godfrey Farrugia jgħid li hu se jibqa' dak li dejjem kien, 'it-torċa tal-onestà'
L-eks Ministru u whip fi ħdan il-gvern Laburista Godfrey Farrugia wissa li jekk jerġa' jiġi elett il-Partit Laburista fil-Gvern, se jibqa' jkun hemm il-korruzzjoni, li għaliha jkun qed ibati ż-żgħir. "Ibżgħu jekk il-Partit Laburista jibqa' fil-Gvern għax bil-korruzzjoni jbati ż-żgħir u jħallas il-ħaddiem," sostna Farrugia, li żied jgħid li hu se jibqa' dak li dejjem kien, jiġifieri "it-torċa tal-onestà."
Waqt li kien qed jindirizza l-mass meeting tal-Partit Nazzjonalista f'Ħaż-Żebbuġ, Farrugia qal li erba' snin ilu, hu emmen li Malta kienet se taqbad it-triq tas-sewwa, "u ħdimt biex dan iseħħ. Jien ma nbdiltx imma t-tmexxija tal-Partit inħakmet mill-qerq."
Farrugia, f'indirizz emozzjonat fejn semma' għal bosta drabi lil raħal twelidu, li propju kien qed jindirizza l-folla fih, sostna li d-deċiżjoni li ħa hu, ma kelliex x'taqsam mar-relazzjoni li hu għandu mal-Kap tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia. Fl-istess waqt, iddeplora kull kumment sessist li sar minn bosta persuni dwar id-deċiżjoni tiegħu, u staqsa jekk kinux jagħmlu l-istess li kieku s-sitwazzjoni kienet bil-kontra u hu kien mara, u Marlene kienet raġel.
Jum biss wara li tefa' r-riżenja tiegħu mill-PL u ssieħeb mal-PD anke bħala kandidat, Farrugia insista li poġġa s-sejħa ta' pajjiżu qablu u sostna li meta l-politika titħaddem b'mod skorrett, ma jfissirx li l-politika hi maħmuġa, "imma jfisser li hemm min qed jabbuża minnha. Flimkien nistgħu nfejqu lil pajjiżna u persważ li dan se jseħħ, għax ir-rieda tal-bidla tinħass," temm jgħid Farrugia.