filmat | Teknoloġiji ta’ smart parking f’parkeġġi pubbliċi għal inqas konġestjoni

‘B’kordinazzjoni, jista’ jkun hemm sistema iktar razjonalizzata fil-ħin li jinġabru l-istudenti għall-iskola’

ritratt: James Bianchi
ritratt: James Bianchi

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li l-parkeġġi pubbliċi se jkunu qed jiġu mgħammra b’sistemi ta’ teknoloġija għall-parkeġġ sabiex wieħed ikun jaf li hemm postijiet fejn jipparkja, mingħajr ma jkollu għalfejn jidħol fil-parkeġġ. Dan, kompla jispjega Muscat, għandu jgħin sabiex tittaffa xi ftit mill-konġestjoni.

Waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet fil-Furjana biex jelenka l-proposti tal-Partit Laburista għall-elezzjoni, Muscat qal kif il-PL huwa kommess li jħalli l-parkeġġi pubbliċi kollha b’xejn, mingħajr parking meters, jew miżuri simili. Semma kif dawk il-persuni jew kumpaniji li jkollhom art f’xi żona tal-iżvilupp, u jiddeċiedu li jittrasformawha f’parkeġġ pubbliku b’xejn, se jkunu qed igawdu minn traħħis ta’ taxxa għal 7 snin, ta’ 15%.

Meta mistoqsi dwar inkwiet li jkollhom il-ġenituri dwar it-trasport lejn l-iskola, minħabba l-ħinijiet ta’ kmieni filgħodu li fihom jinġabru t-tfal, Muscat qal li meta ġie propost li l-ħinijiet tal-iskejjel jibdew f’ħinijiet differenti, ir-reazzjoni tal-pubbliku kienet waħda negattiva. Minkejja dan, sostna kif ladarba s-sistema se tibda tkun waħda kordinata, jkun hemm iktar lok sabiex din tiġi mqassma aħjar u razzjonalizzata. Irrikonoxxa li l-ikbar problemi fejn jidħlu l-istudenti, kienu l-ħinijiet tal-iskola, l-ammont ta’ xogħol li jkollhom u t-toqol tal-basktijiet. Fil-fatt, saħaq li dawn l-affarijiet, bdew jiġu indirizzati gradwalment.

Rigward il-gwardjani lokali, il-Ministru Owen Bonnici ħabbar li din is-sistema se tiġi ċentralizzata u mhux iktar f’idejn il-privat. Fil-fatt, il-gwardjani lokali, issa se jkunu qed jibdew jaqgħu taħt l-entità tal-Gvern, LESA.

Dwar it-trasport pubbliku, il-Ministru Joe Mizzi sostna li se jkun hemm investiment f’dan il-qasam, fejn minbarra li se jiġi provdut it-trasport b’xejn lil anzjani, tfal, studenti u persuni b’diżabbiltà, se jkun hemm ukoll investiment fil-bus shelters, b’introduzzjoni ta’ teknoloġija, iktar sigurtà u aċċessibbiltà.

Tħabbar ukoll kif fit-trasport pubbliku, se jibda jkun hemm sistema ta' Wi-Fi b'xejn biex jibbenefikaw minnu l-passiġġiera. 

More in Politika