Muscat iwiegħed diskussjoni serja dwar il-legalizazzjoni tal-marijuana

Joseph Muscat iwiegħed li l-unjoni ċivili, issir żwieġ ċivili ... u diskussjoni wiesa' biex jieqaf l-abbuż tal-prostituti

Joseph Muscat ħabbar li fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista, se jkun hemm inkluż li Gvern Laburista jibda diskussjonijiet serji dwar il-marijuana għall-użu rikreattiv. 

Waqt li kien qed jitkellem fuq l-istazzjon tal-PL, Muscat sostna li din id-deċiżjoni mhix se tkun waħda li takkwistalu l-voti, iżda jemmen li wasal iż-żmien li tibda d-diskussjoni dwar dan.

Matul il-leġiżlatura li għaddiet, il-Gvern kien diġà introduċa d-dikriminalizazzjoni ta' din l-istess droga, fejn kull min jinqabad bil-pussess tal-kannabis għall-użu personali, jitressaq quddiem bord apposta, minflok jittella' fil-Qorti bħal każi ta' reati oħra. B'hekk il-persuna ma titħammiġiliex il-kondotta jekk, per eżempju tinqabad b'joint

Semma wkoll li bħala Prim Ministru, jekk jiġi elett, se jkun qed jieħu bis-serjetà diskussjoni dwar il-legalizazzjoni tal-prostituzzjoni bil-għan li, "ma nħallux lill-kriminali jabbużaw min-nies, u dawn jispiċċaw ikunu skjavi."

Muscat qal ukoll li Partit Laburista fil-gvern, se jkun qed ibiddel l-isem tal-unjoni ċivili, u jibda jsejħilha żwieġ ċivili, għaliex kif qal hu, essenzjalment dawn it-tnejn huma l-istess għajr fl-isem.

Joseph Muscat qal li jkun ipokrita jekk ma jismax xi jgħidu n-nies u tal-anqas, dawn il-kwistjonijiet jiddiskutihom. Kompla jsostni li jixtieq li dawn id-diskussjonijiet ikunu diskussjonijet miftuħa u mhux partiġġjani.

More in Politika