Il-PN jintrabat li jagħmel lill-Għawdex gżira reġjun b'kunsill reġjonali

Simon Busuttil wiegħed li l-koppji li jagħżlu li jgħixu Għawdex jingħataw inċentiv finanzjarju ta' €10,000

Il-Partit Nazzjonalista, fl-ewwel proposti tiegħu għal din l-elezzjoni ġenerali, li kienu jikkonċernaw lil Għawdex qal kif jekk ikun elett fil-Gvern, ikun se jintrabat li lil Għawdex jibda jiġi meqjus bħala gżira reġjun u dan permezz ta' emendi fil-kostituzzjoni.

Waqt li kien qed jitkellem f'attività politika fix-Xagħra Għawdex, il-Kap Nazzjonalista qal li jekk ikun elett fil-Gvern, ikun qed jieħu l-passi sabiex il-gżira Għawdxija issir reġjun, u minn hawn jitwieled il-proċess li ssir liġi sabiex jinħoloq kunsill reġjonali li jkun separat mill-Ministeru. Simon Busuttil qal kif bis-saħħa t'hekk, Għawdex ikun jista' jinnegozja direttament mal-Unjoni Ewropea fejn jidħlu fondi għaliha,u insista li dan, mhux talli jista' jsir imma l-pakkett finanzjarju, jista' saħansitra jlaħħaq il-€250 miljun għal Għawdex.

Proposta oħra li semma Busuttil għal Għawdex, li fakkar li din il-gżira se jkun qed ikollha l-programm elettorali apposta għaliha, hi dik tal-inċentiv finanzjarju għal dawk il-koppji li jiddeċiedu li jmorru jgħixu f'Għawdex. Dawn se jkunu qed jingħataw inċentiv ta' €10,000, "biex konkretament nuru li verament irridu li l-familji Għawdxin jgħixu l-ħajja tagħhom f'Għawdex," kompla jgħid Busuttil.

Dwar il-Ministeru għal Għawdex, Simon Busuttil insista li Gvern Nazzjonalista jkun qed jagħtih iktar poteri, iżda fl-istess waqt ikun taħt skrutinju kontinwu mill-Kunsill Reġjonali. Semma wkoll kif il-mina tkun qed tingħata prijorità bħala proġett nazzjonali, fejn insista li x-xogħol ikun qed jinbeda mill-ewwel biex ma jkunx hemm iktar telf ta' żmien.

Busuttil kompla jgħid kif il-proposta tal-mina hija biss waħda għat-tul, iżda għall-immedjat, huwa se jkun qed jaħdem sabiex jinbeda fast ferry service għall-passiġġieri waqt li jerġa' jibda jaħdem is-servizz tat-trasport marittimu għall-merkanzija.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal ukoll li dan il-Gvern, "m'għamel xejn għal Għawdex, iżda biess ftaħar b'rix ħaddieħor." Staqsa fejn waslu proġetti bħall-cruise liner terminal, casino, yacht marina, id-dar tal-anzjani u anke l-qorti, fejn insista li l-ebda wieħed minn dawn il-proġetti għadu ma tlesta, waqt li żied jgħid li dawn il-wegħdiet baqgħu jiġu ripetuti kull sena fil-baġits.

Fl-attività politika, tħabbru wkoll il-kandidati kollha tal-PN fuq it-tlettax-il distrett, li fost l-oħrajn jinkludu lil Ċensu Galea u lil Marthese Portelli.

 

More in Politika