Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil stieden lill-eks whip tal-Gvern,Godfrey Farrugia, li llum ħabbar li mhux se jkun qed jikkontesta l-elezzjoni ġenerali mal-Partit Laburista sabiex jissieħeb mal-Partit Demokratiku.
Waqt li kien qed jindirizza attività politika fix-Xagħra Għawdex, Simon Busuttil sellem lil Godfrey Farruga u qal li hu kien rispettat miż-żewġ naħat tal-kamra, u li dak li għamel, kien ta' kuraġġ kbir. Busuttil stieden ukoll lil Farrugia sabiex jissieħeb mal-Partit Demokratiku, u mhux mal-Partit Nazzjonalista, għaliex hu jifhem li Farrugia huwa Laburist.
"Bniedem ta' rġulija kbira, rispettat miż-żewġ naħat tal-kamra, għamilt dan il-pass ta' kuraġġ kbir, issa tista' tagħmel pass iehor. Mhux qed ngħidlek biex issir Nazzjonalist, għax nirrispetta li int Laburist, imma nistiednek biex toħroġ mal-Partit Demokratiku li hu parti mill-Forza Nazzjonali," żied jgħid Busuttil.