In-negozjati dwar koalizzjoni bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Alternattiva Demikratika sfaxxaw wara li ma ntlaħaqx qbil fuq isem u arma komuni biex tirrappreżenta l-koalizzjoni.
Il-PN insista li bl-istess mod bħal ma għamlet Marlene Farrugia u l-PD, il-kandidati tal-AD joħroġu taħt il-PN, iżda b'ismijiet separati biex jiddistingwuhom.
Iżda l-Alternattiva Demokratika insista li l-kandidati tal-PN u tal-AD rispettivament joħorġu għall-elezzjoni taħt isem kompletament ġdid li jirrifletti l-koalizzjoni.
"Aħna nemmnu li l-isem għandu jirrifletti d-diversità u l-pluraliżmu tal-koalizzjoni, inkella se jkun il-PN," sostna ċ-Chairman tal-AD, Arnold Cassola waqt konferenza tal-aħbarijiet wara l-laqgħa mal-PN. "Jekk it-tim tal-futbol ta' Malta għandu 10 plejers mill-Hibs u wieħed mis-Swieqi, xorta jissejjaħ it-tim ta' Malta, u mhux tal-Hibs," spjega Cassola.
Simon Busuttil qal li ż-żewġ partiti qablu fuq il-politiċi, iżda sostna li l-PN mhux se jbiddel il-fehma tiegħu li l-kandidati tal-AD għandhom joħorġu f'isem il-PN.
Id-Deputat Mexxej tal-PN, Mario De Marco, flimkien ma' Carmel Cacopardo intant se jibqgħu jinnegozjaw bit-tama li jiġu ċċarati d-differenzi u tinstab soluzzjoni.