Il-Prim Ministru Joseph Muscat dalgħodu ma kkummentax dwar xnigħat ta' elezzjoni bikrija, waqt li insista li se jkun qed jieħu d-deċiżjoni li hi l-aħjar għall-pajjiż.
"Qed nieħu nota ta' dak li qed jingħad u dak li qed jiġri. Li hu importanti għalija huwa li l-pajjiż ikun stabbli u mhux se nħalli lil ħadd milli jħarbat il-progress ekonomiku li qed niksbu," sostna Muscat. "Se nkun qed nieħu d-deċiżjoni li naħseb li hija l-aħjar għall-pajjiż.
Muscat qal ukoll li l-inkejsta Maġisterjali li qed issir bħalissa mhux se tkun qed taffetwa d-deċiżjoni tiegħu, għax jinsab seren u ma għandu xejn x'jaħbi. "Kieku għandi xi ħaġa x'naħbi, kont ngħid li jeħtieġ li nistennew li titlesta l-inkjesta," żied jgħid Muscat.
Muscat kien qed jitkellem waqt l-inawgurazzjoni taċ-ċentru l-ġdid tal- CoRRS (Centre of Residential Restorative Services) għar-residenti taħt il-21 sena, fl-Imtaħleb, li sostna li dan huwa pass ieħor fit-triq tal-gvern lejn terapija riparattiva.
Dan fid-dawl li l-gazzetta ILLUM, nhar il-Ħadd li għadda żvelat li hemm possibbiltà li l-Prim Ministru jxolji l-Parlament fiż-żmien li ġej sabiex issir elezzjoni bejn Ġunju li ġej u mhux iktar tard mill-ewwel ġimgħat ta' Lulju.