Filmat | 'Inqis lil Joseph Muscat bħala mexxej importanti' – Jens Stoltenberg

Intervista esklussiva ġurnata qabel Segretarju Ġenerali tan-NATO se jiltaqa' ma’ Prim Ministru Malti, għall-ewwel darba

Is-Segretarju Ġenerali  tan-NATO Jens Stoltenberg f'intervista esklussiva mal-illum.com.mt
Is-Segretarju Ġenerali tan-NATO Jens Stoltenberg f'intervista esklussiva mal-illum.com.mt

Għada l-Erbgħa, Jens Stoltenberg, is-Segretarju Ġenerali tan-NATO se jiltaqa mal-Prim Ministru Malti Joseph Muscat wara laqgħa li hu ġie mistieden għaliha u li se tlaqqa l-ministri kollha tad-difiża Ewropej. Din hi l-ewwel darba li Segretarju ġenerali tan-NATO se jiltaqa' ma' Prim Ministru Malti.  L-eks Prim Ministru Norveġiż, illum Segretarju Ġenerali tan-NATO, qal li qed iħares 'l quddiem ħafna li jiltaqa' ma’ Joseph Muscat u jżur Malta.

F’intervista esklussiva mal-ILLUM Jens Stoltenberg qal hekk: “Qed inħares 'l quddiem biex niltaqa’ mal-Prim Ministru Malti, Joseph Muscat. Din hi l-ewwel darba li s-Segretarju Ġenerali tan-NATO se jiltaqa' ma’ Prim Ministru Malti. Sadanittant nieħu gost li niltaqa’ miegħu għax inqisu bħala mexxej importanti, b’Malta li bħalissa qed tilgħab rwol importanti fil-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa.”

Qed inħares ‘l quddiem biex inpoġġu bilqiegħda u niddiskutu sfidi differenti speċjalment fuq is-sitwazzjoni tal-Afrika ta’ Fuq, u l-kriżi tal-immigrazzjoni Jens Stoltenberg

"Se nattendi għal laqgħa tal-Ministri tad-difiża tal-Ewropa, avveniment li ħoloq opportunità għalija li jkolli laqgħa bilaterali mal-Prim Ministru Malti."

“Malta hi sieħeb tan-NATO u qed inħares ‘l quddiem biex inpoġġu bilqiegħda u niddiskutu sfidi differenti speċjalment fuq is-sitwazzjoni tal-Afrika ta’ Fuq, u l-kriżi tal-immigrazzjoni u r-refuġjati u kwistjonijiet oħrajn komuni sew għan-NATO kif ukoll għal Malta u l-Unjoni Ewropea.”

Mistoqsi jekk Malta hux qed titlef opportunitajiet minħabba li l-Kostituzzjoni Maltija tesiġi li pajjiżna huwa newtrali u allura ma jista' qatt ikun membru sħiħ tan-NATO, Stoltenberg fakkar kif in-Nato “għandha koperazzjoni eċċellenti ma’ diversi pajjiżi li mhux allinjati magħha, bħal l-Iżvezja u l-Finlandja li huma fit-tramuntana, naħdmu mill-qrib mal-Awstrija u l-Iżvizzera, pajjiżi newtrali fil-qalb tal-Ewropa u napprezzaw ukoll ħafna l-koperazzjoni li għandna ma’ Malta.

“In-NATO tirrispetta d-deċiżjoni ta’ kull pajjiż li jiddeċiedu li jkunu newtrali jew inkella mhux allinjati. Mhix il-prassi tagħna li n-NATO tindaħal fid-deċiżjonijiet tal-pajjiż jew tindaħal fid-deċiżjonijiet sovrani tal-pajjiżi bħal Malta, Żvezja, l-Iżvizzera jew il-Finlandja. Iżda xorta nħossu li hu importanti li jkollna ‘partnership’ fejn niddiskutu problemi li jikkonċernawna u sfidi b’interess komuni li nkunu qed niffaċċjaw, sew Malta kif ukoll in-NATO bħall-instabbilità fl-Afrika ta’ Fuq li kkawżat ħafna mill-kriżi tal-immigrazzjoni. Anke dwar it-terroriżmu u s-sigurtà marittima, tfittxija u salvataġġ u kwistjonijiet oħra. Għalhekk nistgħu naħdmu ma’ Malta u pajjiżi oħra newtrali filwaqt li nirrispettaw in-newtralità tagħhom.”

L-intervista sħiħa fejn Jens Stoltenberg jagħti l-veduti tan-NATO dwar kriżijiet oħra dinjija tidher fuq il-gazzetta ILLUM nhar il-Ħadd li ġej u fuq il-portal tal-ILLUM bil-filmat.

More in Politika