Il-Partit Laburista, irreġistra bħala partit politiku mal-Kummissjoni Elettorali. Dan wara li saru tibdiliet fl-istatut tal-istess Partit u ġew approvati fil-Konferenza Ġenerali tal-PL.
Il-PL kien sostna li ma kienx għadu rreġistra uffiċjalment minħabba li kien hemm punti ta' teknikalitajiet fl-istatut li ma kinux jaqblu ma' dak mitlub mill-Kummissjoni, u għaldaqstant kien jeħtieġ li jagħmel dawn il-bidliet bl-approvazzjoni tal-membri, fil-Konferenza Ġenerali.
Ir-reġistrazzjoni ġiet imħabbra mill-Kap Eżekuttiv tal-Partit, Ġino Cauchi waqt il-Konferenza Ġenrali Laburista lbieraħ, hekk kif din se tkun qed tara l-għeluq tagħha għada l-Ħadd, hekk kif jagħmel id-diskors tiegħu l-mexxej tal-PL, Joseph Muscat.
Cauchi ħabbar ukoll li wara li saret ir-reġistrazzjoni, ġew ippreżentati d-dokumenti ta' rendikont tad-donazzjonijiet tal-partit u l-kontijiet awditjati, lill-Kummissjoni Elettorali.