IL-koalizzjoni bejn Marlene u Simon ... aktar fil-qrib minn qatt qabel

...il-PN jgħid li qed ikomplu d-diskussjonijiet ma' Farrugia għal koalizzjoni "kontra l-aktar Gvern korrott fl-istorja"

Simon u Marlene se jingħaqdu qaqoċċa...kontra Muscat
Simon u Marlene se jingħaqdu qaqoċċa...kontra Muscat

Aktar kmieni llum, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil u l-Kap tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia kellhom laqgħa fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, li matulha komplew jiddiskutu l-possibilità ta’ ħidma politika komuni bejn iż-żewġ naħat. 

Fi stqarrija l-PN qal illi d-diskussjonijiet bejn iż-żewġ naħat kienu bdew wara li fid-diskors tiegħu fl-Indipendenza, meta  Busuttil kien għamel sejħa għal koalizzjoni nazzjonali kontra l-korruzzjoni. 

"Quddiem l-aktar Gvern korrott fl-istorja ta’ pajjiżna", il-PN qal illi ż-żewġ naħat qablu li għandhom jaħdmu flimkien biex jagħtu lill-poplu Malti Gvern nadif u tmexxija serja. 

L-istqarrija ttemm tgħid li minbarra l-governanza tajba, iż-żewġ naħat "jaqblu li għandhom jiffukaw il-ħidma komuni tagħhom biex l-ekonomija tkun sostenibbli u minnha jgawdi kulħadd, fuq il-ġustizzja soċjali, fuq il-ħarsien xieraq tal-ambjent u fuq it-tiġdid Kostituzzjonali li għandu bżonn il-pajjiż."

Dakinhar li ħarġet l-aħbar illi l-kumpanija db kienet tat donazzjonijiet jew xi forma ta' flus lill-PN, Farrugia permezz tal-Partit Demokratiku kienet qalet illi "pajjiżna niżel f'abbiss li kien ilu ma jidher sa mill-bidu tat-tmeninijiet." Il-PD kompla jgħid li "l-ftit tama li l-familji kellhom fit-tiġdid tal-Partit Nazzjonalista, ġie mormi bl-istess mod li ntremiet il-fiduċja li tefa' fil-Moviment Laburista erba' snin ilu."

Intant, mal-gazzetta ILLUM Farrugia kienet qalet li huwa l-PN li għandu bżonn lill-PD għax ma jistax jafda lilu nnifsu li ma jerġax, “Il-Partit Nazzjonalista ma jistax jippreżenta lilu nnifsu bħala Gvern alternattiv kredibbli, mingħajr il-parteċipazzjoni tal-Partit Demokratiku.”

 

More in Politika