Id-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli qal li kif kien il-Prim Ministru Joseph Muscat li poġġa liċ-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir Tanya Borg Cardona fil-kariga li tokkupa, għandu jkun hu wkoll li jneħħiha.
F'konferenza barra l-bini tal-Awtorità tax-Xandir Puli sejjaħ is-sitwazzjoni bħaissa f'dan il-qasam bħala 'kriżi kostituzzjonali'. Nhar il-Ġimgħa Borg Cardona, li qed tkun akkużata li qed timxi ħażin mal-ħaddiema u li qed tmexxi l-finanzi b'mod ħażin ukoll, kien żvelat li għandha rwol bħala person of trust mal-Ministeru tal-Affarijiet tal-UE. Dan l-aħħar rwol, Borg Cardona ma tistax taqdih minħabba eżiġenzi Kostituzzjonali li jimpedixxu milli Chairperson ta' din l-Awtorità taqdi rwol ieħor.
Puli m'eskludiex illi jibda proċessi kostituzzjonali fuq dan il-każ u qal li prova jappella għas-sens ta' diċenza "imma hi mhux qed tirrealizza li għandha tirreżenja."
Puli sostna li "ma jitwemminx li Borg Cardona żammet dan l-irwol meta tqis in-nuqqas ta' kwalifiċi, li mhux kompetenti fil-qasam tax-xandir u n-nuqqas ta' ħiliet maniġerjali, kif juri l-fatt li dawret il-ħaddiema kollha kontrieha."