'Id-deputati Ewropej jemmnu li Busuttil mhux integru'

Alfred Sant jgħid li l-Parlament Ewropew se jemmnu li l-PN u Busuttil mhumiex onesti meta jsiru jafu aktar dwar l-iskandlu tal-ħasil tal-flus

 

Alfred Sant, Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew, qal li d-Deputati Ewropej fil-Parlament Ewropej se jemmnu li l-Partit Nazzjonalista u l-Kap tiegħu mhumiex integri u mhumiex onesti meta jsiru jafu aktar dwar l-iskandlu tal-ħasil ta’ flus mill-PN. 

“Qamet dilemma kbira għal min jinsab bħali fil-Parlament Ewropew wara li ħareġ fil-beraħ l-iskandlu tal-allegat ħasil ta’ flus mill-PN, bi ksur lampanti tal-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti. Għandu jsir kif sar mill-PN innifsu, u f’kull opportunitá li tinqala’ fil-laqgħat tal-Parlament Ewropew, wieħed iqajjem dan l-iskandlu?”

Dr Sant qal li hemm numru ta’ mudelli li wieħed jista’ jsegwi waqt li jagħmel dan. Il-mudell ta’ kif ġie ttrattat Toni Abela, b’kampanja minn taħt u kollha ħdura. Il-mudell ta’ kif ġie trattat Leo Brincat, b’attakki fil-miftuħ u minn taħt. Jew il-mudell ta’ kif rappreżentanti tal-PN ġabu ruħhom fil-kumitat tal-Parlament Ewropew dwar l-iskandlu tal-karti tal-Panama. It-tliet mudelli huma effettivi ħafna biex juru lill-PN u fuq kollox il-mexxej tiegħu, bħala nieqsa mill-integritá u l-onestá. Id-deputati Ewropej se jemmnu dil-ħaġa minnufih.

“Ħalliha l-problema li mal-PN u l-mexxej tiegħu, se titqagħbar ukoll il-fama tal-pajjiż. Imma la t-tnejn li huma qatt ma qisuha dil-ħaġa bħala problema...?” irrimarka Dr Sant.

More in Politika