Il-PL jappella lill-Kummissjoni Elettorali biex tieħu l-passi legali kontra l-PN

Il-Partit Laburista jisfida lil Busuttil jippubblika l-invoices maħruġa għall-grupp DB

Il-Partit Laburista qed jappella lill-Kummissjoni Elettorali sabiex tieħu passi legali fil-konfront tal-Partit Nazzjonalista, minħabba li aċċetta donazzjonijiet għall-Partit sabiex iħallas pagi ta' żewġ uffiċjali. 

Meta kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Owen Bonnici qal li l-Kummissjoni Elettorali, li hi r-regolatur tal-liġi tal-finanzjament tal-Partiti li ġiet fis-seħħ fil-bidu tas-sena li għaddiet, għandha tieħu passi legali kontra l-PN, "f'dan il-ksur flagranti tal-liġi."

Id-deputat Silvio Schembri li wkoll kien qed jindirizza l-konferenza tal-aħbarijiet, qal li wara li t-teżorier tal-PN, Alex Perici Calascione qal li ma kienx jaf b'dawn id-donazzjonijiet, Simon Busuttil għandu jippubblika l-invoices maħruġa. Schembri irrefera għal dak li qal Perici Calascione fuq il-programm Dissett tal-bieraħ, li ma kienx jaf bl-arranġament mal-grupp db u li l-kumpanija fil-fatt kienet qed tħallas għal servizzi mingħand il-Partit Nazzjonalista. "Jekk il-kumpanija fil-fatt qatt ma ħadet servizzi lura, kif qed tgħid hi għall-flus li hi tat, mela l-konklużjoni tkun li dawn l-invoices huma foloz u illegali," kompla jgħid Schembri. Għaldaqstant, il-PL qed isostni li Busuttil gaġndu jippubblika l-invoices li hu stess qed jgħid li kienu qed jinħarġu kull xahar, u jgħid ukoll x'kienu dawn is-servizzi.

Min-naħa tiegħu, il-Partit Nazzjonalista, b'reazzjoni għal dan qal li m'għandu l-ebda problema li l-Kummissjoni Elettorali tinvestiga lill-PN, "kuntrarjament għall-PL li għadu lanqas irreġistra mal-Kummissjoni." Dan filwaqt li elenka numru ta' persuni li għandhom karigi fi ħdan il-Partit Laburista jew fi ħdan l-istazzjon tal-Partit, u fl-istess waqt għandhom impjieg mal-Gvern.

More in Politika