Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil bagħat ittra lill-Awditur Ġenerali li fiha talbu jinvestiga t-trasferiment tal-art f'San Ġiljan fejn bħalissa hemm l-ITS, lill-grupp db li mistenni jibni fost l-oħrajn lukanda u residenzi.
Fl-ittra lill-Awditur Ġenerali, Busuttil talab biex fost l-oħrajn tiġi investigata s-somma maqbula ta' ħlas għal din il-biċċa art, f'żona prime site, b'mod partikolari, il-mod ta' kif ġie miftiehem dan il-ħlas, li parti minnu biss titħallas bil-quddiem, u l-bqija jitħallsu fuq numru ta' snin mingħajr interessi.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni, fost l-oħrajn staqsa għalfejn kuntratt bħal dan ma tteħidx quddiem il-Parlament għall-approvazzjoni. Żied jgħid ukoll li jekk il-Gvern ried jissalvagwardja l-governanza tajba, "ma messu qatt innegoza l-prezz wara li l-offerent kien tefa' l-prezz tiegħu."
Busuttil ikompli jgħid li l-proġett kif sottomess mill-grupp db jmur kontra l-pjan lokali diġà eżistenti għal dik iż-żona.
Min-naħa tiegħu, il-Gvern qal li jilqa' dan l-iskrutinju mill-Awditur Ġenerali, filwaqt li sostna li l-proċess kien wieħed trasparenti mill-bidu u, saħansitra, għall-ewwel darba ddaħħlet kumpanija tal-awditjar ta’ reputazzjoni internazzjonali, Deloitte, biex tagħti l-valur tas-sit in kwistjoni. "Dan kien proċess bla preċedent biex jiġi stabbilit standard li għandu jinżamm dwar kif tiġi valutata art tal-Gvern," temmet tgħid l-istqarrija tal-Gvern.