Il-Partit Demokratiku qed isejjaħ biex isiru tibdiliet fil-liġi tal-finanzjament tal-partiti fejn din tgħid, li huwa f’idejn il-Ministru tal-ġurnata li jiddeċiedi kif ir-rapporti mill-partiti għandhom ikunu ippublikati. Il-Partit Demokratiku ma jaqbilx li informazzjoni dwar id-donazzjonijiet għal partiti, membri parlamentari u kandidati jkunu f’idejn il-Ministru tal-ġurnata li jiddeċiedi kif din l-informazzjoni għandha tiġi ippublikata.
"Il-poplu għandu d-dritt jkun jaf minn fejn il-partiti politiċi, membri parlamentari u kandidati qed jirċievu l-fondi. Din l-informazzjoni għandha tkun aċċessibli għall-pubbliku, iktar milli tintuża għat-tfiegħ tat-tajn."
Il-Partit Demokratiku jemmen ukoll li transazzjionijiet kummerċjali li isiru minn kumpaniji li huma kollha jew parti ta’ partit politiku għandhom ikunu ppublikati u regolati bil-liġi tal-finanzjament tal-partiti.
Il-Membri parlamentari, partiti politiċi u l-kandidati ma jistgħux ikomplu jidħqu bil-poplu. Arranġamenti li jsiru qabel l-elezzjoni, donazzjonijiet etc li jistgħu jkunu ta kunflitt t’interess qed ixekklu l-politiċi milli jagħmlu xogħolhom sew; li huwa dak li jirraprezenataw il-poplu li vvutalhom. Il-Partit Demokratiku jemmen f’governanza nadifa u li għandu jkun hemm strutturi li jimpredixxu lill-partiti politiċi, kandidati u membri parlamentari li jkollhom interessi privati. Demokrazija b’saħħitha titlob li l-pubbliku jkun jaf minn fejn deħlin il-flus.