Fi stqarrija oħra li ħareġ il-grupp DB, wara li 24 siegħa wara dak li ġie żvelat ilbieraħ, il-PN ċaħad l-għotja ta’ flus mill-grupp ta’ lukandiera, tkompla jitgiddeb il-kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.
Il-grupp DB iddikjara li “mhux veru li s-sena l-oħra għaddejna biss €3,500 lill-Partit Nazzjonalista, iżda ammont ta’ €70,800 u €6,500, li tagħhom għandna l-ircevuti li jippruvaw dan.”
Dwar l-insinwazzjoni tal-PN li l-ammont ta’ €70,800, kien tħallas lill-kumpanija tal-PN Medialink għal xi servizzi kummerċjali li l-grupp DB ħa mingħandha, il-grupp ċaħad li huwa qatt irċievi xi forma ta’ servizzi ta’ reklamar għall-dak l-ammont mingħand il-Medialink.
“Fil-fatt nisfidaw lil min hu kkonċernat fil-PN biex jgħid liema servizzi kummerċjali aħna ħadna mingħand il-Medialink fl-2016 u kif dawn iwasslu għal €70,800,” sostniet l-istqarrija tad-DB.
Ingħad ukoll li kienu l-ogħla uffiċjali tal-PN stess li qalu lid-DB li s-€70,800 mitluba kienu se jintużaw biex jitħallsu l-pagi tas-Segretarju Ġenerali u tas-CEO. “Fuq talba ta’ l-istess uffiċjali dawn kienu se jibagħtulna invoices mingħand il-kumpanija Medialink.”
Fl-2016, dawn l-invoices kienu jammontaw għal €70,800, eżattament daqs is-somma mitluba biex minnhom joħorgu l-pagi tas-Segretarju Ġenerali u tas-CEO.
Minn naħa tiegħu, il-Partit Laburista sostna li wara 24 siegħa li saret din l-akkuża mill-aktar serja fil-konfront tal-PN, il-Partit Nazzjonalista kellhu jagħti xi ħaġa aktar minn tweġiba falza.
Fl-istqarrija tal-PL, intalab biex jekk veru d-donazzjonijiet mitluba saru f'forma ta' transazzjoni bejn il-grupp DB u l-kumpanija tal-media Nazzjonalista, il-Partit Nazzjonalista għandu jippubblika minnufih dawn il-kuntratti u jagħti provi ta' servizz ingħata lura.