Disat itfal ta’ taħt il-ħmistax-il sena, ħamest ibniet u erba’ subien iddaħħlu l-isptar matul is-sena li għaddiet għaliex kienu kkunsmaw xorb alkoħoliku eċċessiv.
It-total tal-persuni li ddaħħlu l-isptar minħabba xorb eċċessiv matul l-2016 ilaħħaq it-388.
Għal domanda fil-Parlament mid-Deputat Anthony Agius Decelis, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne spjega kif dawn il-każijiet jinqasmu fi tliet kategoriji skont in-natura tal-każ.
Kien hemm total ta’ 77 każ ta’ persuni li ddaħħlu għall-kura minħabba sindromu ta’ dipendenza fuq l-alkoħol, jew kif inhu magħruf, ‘withdrawal state’, meta l-pazjent ikun qata’ għal kollox jew naqqas l-ammonti ta’ alkoħol minn dak li kien jixrob is-soltu.
Il-kategorija B, li kienet l-iktar waħda li kienet tinkludi nies, hija dik il-kategorija ta’ persuni li jkunu ddaħħlu l-isptar minħabba intossikazzjoni tal-alkoħol, iżda ma jkunux persuni li huma dipendenti. It-total ta’ dawn il-persuni kien ta’ 275, li minnhom, l-akbar ammont kien ta’ persuni ta’ bejn il-15 u l-24 sena, b’58 żagħżugħ, iżda mhux biss, hekk kif kien hemm ukoll 9 pazjenti li kellhom iktar minn 75 sena.
Iddaħħlu wkoll l-isptar 36 persuna li jaqgħu taħt it-tielet kategorija ta’ persuni bi bżonn ta’ kura minħabba xorb eċċessiv. Dawn il-persuni kienu jeħtieġu attenzjoni medika minħabba li kellhom mard tal-fwied li hu attribwit għall-alkoħol.
Dan in-numru ta’ pazjenti jeskludi dawk li minkejja li jkunu daħlu għall-kura fid-dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar, għal xi raġuni, imbagħad ma daħlux bħala pazjenti fl-iswali għal iktar kura.