'Il-politiċi għandhom ikunu ġġudikati fuq ir-riżultati u mhux fuq il-Kama Sutra'

Deborah Schembri tikteb li jekk se tibqa' tiżdied l-attenzjoni fuq il-ħajja sesswali tal-politiċi, se jkun hemm inqas nies kapaċi li jitħajjru joffru s-servizzi tagħhom lill-pajjiż

Is-Segretarju Parlamentari għall-ippjanar, Deborah Schembri, kitbet dwar l-attenzjoni fuq il-ħajja personali u sesswali tal-politiċi, f'artiklu ppublikat fuq it-Times of Malta ta' dalgħodu, fejn hija sostniet li jekk se tibqa' tiżdied l-attenzjoni żejda fuq il-ħajja sesswali tal-politiċi, se jkun hemm inqas nies kapaċi li jitħajjru joffru s-servizzi tagħhom lill-pajjiż.

Schembri argumentat illi kieku politiċi kbar tal-passat li kisbu affarijiet importanti għal pajjiżhom u għad-dinja, kellhom jiġu skrutinati fuq il-ħajja privata tagħhom bl-istess mod kif qiegħed isir illum, "dawn ma kienux ikunu kapaċi jġibu l-istess riżultati".

Is-Segretarju Parlamentari kitbet li 'L-interess pubbliku' għandu jirrelata ma' affarijiet li jeffetwaw lill-pubbliku, u li l-moralità u l-imġieba privata tal-politiċi m'għandhom ikunu l-fatturi li bihom politiku jiġi ġġudikat fuq il-kapaċitajiet tiegħu f'xogħolu.

L-argument ta' Schembri enfasizza fuq jekk hux sew li l-ħajja privata u sesswali tal-politiċi għandix raġuni valida biex tkun fl-interess tal-pubbliku. Hija sostniet li "m'huwiex fl-interess tal-pubbliku liema pożizzjoni tal-Kama Sutra il-Ministri huma kapaċi jipprattikaw u ma min, fil-ħajjiet privati tagħhom". Schembri żieded tistaqsi jekk il-pubbliku għandux id-dritt li jkun jaf, jikixxef jew jitlob dettalji fuq il-ħajja privata tal-politiċi, jew jekk hux dritt tal-politiċi li jitolbu aktar protezzjoni kontra l-indħil fil-ħajja privata u sesswali tagħhom.

Minn naħa l-oħra Deborah Schembri, fl-artiklu li kitbet, sostniet li l-pubbliku jista' jkollu d-dritt ikun jaf fuq il-ħajja sesswali tal-politiċi, biss jekk l-istess politiċi, fil-kariga tagħhom jipproponu jew jappoġġjaw xi liġi li teffetwa l-ħajja sesswali tagħhom. Schembri ġabet bħala eżempju li jekk politiku partikolari jkollu relazzjoni omosesswali ma' adult ieħor fil-ħin privat tiegħu, dan m'għandux ikun fl-interess jew l-iskrutinju tal-pubbliku, iżda jekk l-istess politiku imbagħd pubblikament jitkellem kontra d-drittijiet tal-omosesswali jew jivvota kontra li jingħataw dawn id-drittijiet... imbgħad hemmhekk il-pubbliku ikollu d-dritt jiskrutinja. Dan għaliex huwa jkun qiegħed jippriedka mod u personalment jaġixxi bil-kontra.

L-artiklu ta' Schembri temm b'appell li "wasal iż-żmien biex dan il-pajjiż jidħol f'diskussjoni serja dwar dan l-argument tal-privatezza u li għandhom isiru liġijiet biex jipproteġu l-politiċi minn intrużjonijiet mhux xierqa fil-ħajja privata u sesswali tagħhom bl-uniku skop li tinħoloq distrazzjoni minn suġġetti aktar relevanti għall-ġid tal-pajjiż".

More in Politika