Il-GWU tiffirma ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-Gutenberg

Il-ftehim se jkopri l-erba' snin li ġejjin, sas-sena 2020

David Darmanin (xellug) u Frank Spiteri jiffirmaw il-ftehim
David Darmanin (xellug) u Frank Spiteri jiffirmaw il-ftehim

Il-General Workers’ Union iffirmat ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema ta’ Gutenberg Press. Grazzi għal dan il-ftehim kollettiv ġdid il-ħaddiema se jgawdu minn titjib fil-kundizzjonijiet ġenerali tax-xogħol u fil-benefiċċji finanzjarji. 

Is-Segretarju tat-Taqsima Teknoloġija, Elettronika u Komunikazzjoni tal-GWU David Darmanin qal li dan il-ftehim kollettiv, li jkopri erba’ snin bejn l-2017 u l-2020, huwa turija ta’ fiduċja li l-management għandu fil-kapaċitajiet tal-ħaddiema tiegħu: “Il-ftehim wasal ukoll fi żmien meta l-istess kumpanija qiegħda tiffaċċja sfidi kbar li nħolqu fis-suq Ingliż wara r-referendum għall-ħruġ mill-Unjoni Ewropea.” 

Id-Direttur Maniġerjali tal-kumpanija Frank Spiteri qal li l-ftehim milħuq huwa xhieda tal-koperazzjoni u fiduċja li teżisti bejn il-kumpanija u l-GWU. Saħaq li l-ftehim kollettiv huwa wkoll frott tal-armonija li teżisti fil-fabrika fejn kulħadd qiegħed jiġbed ħabel wieħed. Huwa attribwixxa dan l-istess suċċess għax-xogħol imwettaq mill-ħaddiema.

Il-ftehim kollettiv f’isem il-ħaddiema kien iffirmat minn David Darmanin, Segretarju tat-Taqsima Teknoloġija, Elettronika u Komunikazzjoni u minn Jeffrey Vella u Roderick Spagnol Shop Stewards. F’isem il-kumpanija ffirmaw Frank Spiteri Direttur Maniġerjali, Boleslav Spiteri Direttur u l-Inġinier Ralph Cassar Works Manager.

More in Politika