Sai Mizzi għadha r-rappreżentant speċjali għal Malta fiċ-Ċina...għalissa

Il-Ministeru għall-Ekonomija saħaq li huwa diffiċli sabiex wieħed isib persuni bil-ħiliet neċessarji għal din il-kariga

Il-mara tal-Ministru Konrad Mizzi, Sai Mizzi li għall-aħħar snin kienet il-mibgħuta speċjali tal-Gvern Malti għaċ-Ċina għadha tokkupa din il-kariga fil-preżent, minkejja li l-kuntratt tagħha skada f'Awwissu li għadda u l-Ministru Mizzi kien sostna li dan mhux se jkun imġedded.

Wara li lbieraħ fil-Parlament, il-Kap tal-Oppożizzjoni qajjem mistoqsijiet dwar din il-kariga, fi stqarrija, il-Ministeru għall-Ekonomija u l-Investiment qal li dan kien diġà tħabbar lura f'Awwissu. Il-Ministeru saħaq li Mizzi kellha tokkupa l-kariga wara t-tmiem tal-kuntratt f'perjodu tranżitorju sakemm tinstab persuna oħra għal din il-kariga. Dan iż-żmien, iżda ma kellux jeċċedi s-sitt xhur mit-tmiem tal-kuntratt, f'Awwissu, jiġifieri dan ix-xahar, Frar. "Sai Mizzi Liang kompliet tokkupa l-kariga ta’ Rappreżentant Speċjali għaċ-Ċina f’isem il-Malta Enterprise, wara li skada l-kuntratt oriġinali u dan sakemm tinsab persuna ideali biex tokkupa din il-kariga strateġikament importanti għal pajjiżna. Dan il-perjodu tranżitorju ma kellux jeċċedi sitt xhur mill-iskadenza tal-kuntratt oriġinali."

L-istqarrija kompliet tgħid li hemm numru ta' kandidati li applikaw għas-sejħa għall-din il-kariga li ħarġet il-Malta Enterprise, u attwalment tinsab għaddejja bil-proċess biex fiż-żmien li ġej tappunta persuna oħra fil-kariga ta’ Rappreżentant Speċjali għaċ-Ċina.

 

More in Politika