Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Chris Agius f’intervista li ta lill-ġurnal elettroniku 'Malta Profile' (http://www.maltaprofile.info/) qal li jekk Malta trid issaħħaħ it-turiżmu sportiv trid tinvesti f’aktar pitches bil-ħaxix naturali u pixxini magħluqa. Għamilha ċara wkoll li filwaqt li l-isportivi jixirqilhom li jkollhom faċilitajiet aħjar, “irridu nieħdu fil-konsiderazzjoni tagħna l-ambjent ukoll.”
Fl-intervista Chris Agius elenka li bħalissa għaddejin b’xogħol biex tinbena pixxina ta’ daqs olimpiku fl-isports complex tal-Kottonera, pitches tal-ħaxix naturali għall-Football, il-proġett kbir li se jsir il-Marsa li għal dawn l-aħħar snin ġiet mitluqa u anke faċilitajiet sportivi taħt is-saqaf f’Santa Venera.
Semma wkoll li qed jaħdem biex iħeġġu assoċjazzjonijiet u clubs sportivi biex iħajru u jorganizzaw ‘training camps’ u kompetizzjonijiet internazzjonali f’pajjiżna. Fejn se jkun prijorità li jinbnew aktar pitches tal-football bil-ħaxix ħalli nkunu nistgħu nħajru aktar clubs kbar biex jagħmlu t-training camps tagħhom f’Malta.
Fl-intervista semma wkoll li fis-settur li jaqa' taħtu għal din il-presidenza tal-Kunsill Ewropew, il-prioritajiet huma li jkun hemm iżjed volontarjat fl-isport u l-età tal-vot.