
Kampanja ta’ għarfien dwar is-Sigurtà Diġitali
Il-Gvern iniedi Kampanja ta’ Għarfien dwar is-Sigurtà Diġitali għas-sentejn li ġejjin

More in Politika
Il-Gvern iniedi Kampanja ta’ Għarfien dwar is-Sigurtà Diġitali għas-sentejn li ġejjin
F’Settembru tal-2016, il-Ministru għall-Kompetittività u Ekonomija Diġitali, Marittima u tas-Servizzi, Emmanuel Mallia, nieda l-ewwel Strateġija Nazzjonali dwar is-Sigurtà Diġitali għal Malta. L-Istrateġija titlob għal numru ta’ azzjonijiet li jkopru diversi aspetti ekonomiċi, soċjali u kulturali, peress li s-sigurtà diġitali għandha aspetti relatati mat-teknika u mal-imġieba li għandhom impatt fuq il-Gvern, in-negozju u ċ-ċittadini. Bħala waħda mill-miżuri tagħha, l-Istrateġija Nazzjonali dwar is-Sigurtà Diġitali titlob li ssir Kampanja ta’ Għarfien Nazzjonali li tindirizza l-livelli kollha tas-soċjetà, lin-negozji u lis-settur pubbliku flimkien mal-bżonnijiet speċifiċi, aspettattivi u t-teknoloġiji tal-informatika applikati.
Hu f’dan il-kuntest, li l-Ministru Mallia, b’kollaborazzjoni mal-Isteering Committee responsabbli mill-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali dwar is-Sigurtà Diġitali llum nieda Kampanja ta’ Għarfien dwar is-Sigurtà Diġitali mifruxa fuq sentejn, bħala waħda mill-ewwel oqsma ta’ prijorità fl-istadju inizzjali tal-Istrateġija. It-tnedija saret fid-Data Centre tal-MITA, f’Santa Venera.
L-għan tal-kampanja hu li tkopri l-interessi tas-sigurtà online tas-settur pubbliku, taċ-ċittadin, kif ukoll tas-settur privat, filwaqt li tagħti attenzjoni partikolari lill-intrapriżi żgħar u medji li, bħalma hu l-każ fl-UE, jifformaw il-maġġoranza tal-ekonomija Maltija. Għalhekk proprju t-tema Maltija tal-Kampanja “Sigurtà Onlajn Għalik”, flimkien mal-karattru diġitali, li jirriflettu l-effett personali li s-sigurtà diġitali għandha fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies permezz tal-użu ta’ diversi forom ta’ midja tat-teknoloġija tal-informatika applikati.
Il-kampanja se tiżgura li jkun hemm għarfien mal-pajjiż kollu dwar xi tfisser u x’timplika s-sigurtà diġitali, filwaqt li tiffoka dejjem aktar lejn ir-realtajiet ta’ dawk kollha involuti fis-soċjetà u fl-ekonomija Maltija, biex tiżgura protezzjoni u preparazzjoni aħjar fi ħdan l-ispazju diġitali.
Waqt it-tnedija saret referenza għall-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-UE, fejn, permezz tat-tmexxija tal-grupp tal-Kunsill li jiffoka fuq kwistjonijiet diġitali, Malta qed timmira li tippromwovi direzzjoni strateġika u konsistenti lejn għarfien dwar is-sigurtà diġitali madwar l-Unjoni Ewropea, b’attenzjoni partikolari lejn iċ-ċittadini u l-intrapriżi żgħar u medji. Malta temmen bis-sħiħ li ma jistax jinkiseb suq uniku diġitali mingħajr ma ssir aktar enfasi fuq is-sigurtà u l-fiduċja bejn il-konsumaturi u l-fornituri.
Waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet indirizza wkoll lil dawk preżenti s-Segretarju Permanenti tal-Ministeru, is-Sur Anthony Gatt, bħala ċ-Ċermen tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali tas-Sigurtà Diġitali.