Trump, il-ħajt u taxxa fuq it-tequila u l-avocados...

Il-President tal-Istati Uniti ġie kritikat fuq suġġeriment biex jintaxxa l-importazzjoni mill-Messiku biex jitħallas il-ħajt bejn iż-żewġ pajjiżi

Il-Messiku kkundanna s-suġġeriment li għamel il-President tal-Istati Uniti Donald Trump, li jimponi taxxa ta' 20% fuq l-Importazzjoni ta' prodotti mill-Messiku sabiex jitħallas il-ħajt li jrid jibni bejn iż-żewġ pajjiżi.

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Messikan Luis Videgaray qal li din it-tip ta' taxxa se sservi biss biex prodotti importati mill-Messiku se jsiru jiswew aktar għall-konsumaturi Amerikani, li fl-aħħar mill-aħħar se jkunu huma li se jħallsu għall-ħajt.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Presdient tal-Messiku ikkanċella żjara lejn l-Istati Uniti wara nuqqas ta' qbil dwar min se jħallas għall-ħajt ta' fruntiera bejn l-Istati Uniti u l-Messiku, li kien pjan u wegħda elettorali ta' Trump.

Waħda mill-ewwel ordnijiet eżekuttivi li ffirma Trump fl-ewwel ġimgħa tiegħu bħala President kienet għall-ħolqien ta' ħajt ta' fruntiera twil 3,200 kilometru bejn l-Istati Uniti u l-Messiku.

Nhar il-Ħamis li għadda, Videgaray stqarr li "Taxxa fuq il-prodotti importati mill-Messiku, mhux mod biex iġġiegħel lill-Messiku jħallas għall-ħajt, imma mod kif il-konsumaturi Amerikani stess iħallsuh huma b'riżultat ta' avocados, televiżjonijiet u magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ bi prezzijiet aktar għoljin"

Huwa qal ukoll li l-proposta li l-Messiku jħallas għall-ħajt ta' Trump hija ħaġa "mhux negozzjabbli"

Intant, il-kelliem għall-White House Sean Spicer qal li t-taxxa ta' 20% fuq il-prodotti importati mill-Messiku se tiġġenera madwar $10 biljuni fis-sena fi dħul mit-taxxa għall-Istati Uniti.

More in Politika