L-Arċisqof Charles J Scicluna qal li hu ma jikkummentax fuq il-persuni individwali fil-politika iżda fuq l-ideat u d-deċiżjonijiet li dawn jieħdu, waqt li jsostni li ma jħossx li dak huwa postu. Dan qalu meta kien mistoqsi dwar it-tweets li hu magħruf li jikteb minn żmien għal żmien. "Meta tara t-tweets tiegħi, waħda mill-għażliet tiegħi hi li ma nikkummentax fuq persuni individwali fil-politika għax ma nħossx li dak huwa l-irwol tiegħi. Li nikkummenta, fuq deċiżjoni ta' politiku fis-sens ta' Gvern. Wara kollox, għandna Gvern u nirrispettaw l-awtorità tiegħu imma għandna d-dritt ukoll nikkummentaw fuq dak li jolqot lill-ħaddiem, li jolqot lill-ambjent, il-kultura tagħna, u anke l-morali tal-pajjiż," kompla jgħid l-Arċisqof Scicluna.
Nirrispettaw l-awtorità tal-Gvern, imma għandna d-dritt ukoll nikkummentaw fuq dak li jolqot lill-ħaddiem, li jolqot lill-ambjent, il-kultura tagħna, u anke l-morali tal-pajjiż
L-Arċisqof Charles J Scicluna
Waqt intervista li saret lill-Arċisqof fil-programm Xtra fuq TVM ilbieraħ, l-Arċisqof ġie mistoqsi fost l-oħrajn dwar il-bloggers u l-blogs tagħhom, partikolarment Glenn Bedingfield u Daphne Caruana Galizia, u dwar jekk hu jpoġġix lit-tnejn li huma fl-istess keffa, Scicluna qal li ma xtaqx jidħol f'din il-kontroversja, "għaliex inħoss li d-djalodu politiku, iżjed ma jkun seren, iktar se jkun effikaċi."
L-Arċisqof ġie mistoqsi wkoll dwar il-kritika li jaqla' partikolarment minn persuni Laburisti li jistaqsu għalfejn ma kienx tkellem dwar każijiet oħra. Scicluna fil-fatt wieġeb billi bi tbissima jistaqsi meta kien dan, u jekk kienx qabel sar isqof, u żied jgħid li hu jħoss li għandu jitratta lil kulħadd bl-istess mod.
Meta mistoqsi dwar il-prudenza, li Saviour Balzan irrimarka li diversi persuni jgħidu li l-Isqof nieqes minnha minħabba li ma jogħmodx kelma, l-Arċisqof Scicluna qal li, "is-silenzju jista' jkun imprudenti meta int tista' tgħid kelma u ma tgħidhiex, jew bil-kontra fejn tkun għidt kelma li ma kellekx għalfejn tgħidha." Scicluna jżid jgħid li hu jipprova jkun prudenti għax jifhem ir-responsabbiltà li għandu, waqt li jgħid li "l-Isqof mhux infallibbli. Il-prudenza ma jfissirx li ma titkellimx, jew li titkellem dejjem."