Suċċess fit-tnaqqis tal-qgħad, aktar dinjità għall-familji Maltin

Evarist Bartolo jgħid li n-numru inqas ta’ nies jirreġistraw f'Malta tfisser li aktar familji għandhom id-dinjità biex jgħixu ħajja aħjar

Evarist Bartolo
Evarist Bartolo

“L-aħbar li pajjiżna llum għandu l-inqas numru ta’ nies jirreġistraw fl-istorja tfisser li aktar familji għandhom id-dinjità biex jgħixu ħajja aħjar”, qal il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol wara li statistika uffiċjali ikkonfermat li l-qgħad waqa’ taħt it-3,000 ruħ.

Il-Ministru Bartolo fisser li dan is-suċċess storiku ma waqax mis-sema waħdu, iżda huwa frott ta’ ħafna xogħol minn gvern sħiħ biex tikber l-ekonomija u jikber l-investiment. Qal li pajjiż li jkun qed joħloq l-impjiegi mbagħad irid jgħin lin-nies biex jieħdu dawn l-impjiegi ġodda.

U fil-fatt hekk sar. Il-Gvern ħa passi biex aktar nisa joħorġu jaħdmu billi tahom childcare b’xejn, biex nies fuq il-benefiċċji soċjali jidħlu fid-dinja tax-xogħol u ma jitilfux il-benefiċċji kollha f’salt, biex persuni b’diżabilità li lanqas biss kienu jirreġistraw u l-kumpaniji li jridu jimpjegawhom jingħataw l-għajnuna meħtieġa, biex iż-żgħażagħ li qabel ma kinux jaħdmu issa sabu xogħol bit-taħriġ tal-garanzija għaż-żgħażagħ li ħaddieħor ipprova jirredikolaha. 

Il-Ministru Evarist Bartolo spjega li l-Gvern biddel ukoll il-mod kif taħdem il-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, li issa saret Jobs+, biex b’kooperazzjoni ma’ dawk li jirreġistraw u ma’ dawk li jħaddmu, għamilha aktar faċli biex wieħed jirreġistra, ifittex ix-xogħol, u jkollu xogħol li jgħodd għalih.

“Dawn id-deċiżjonijiet kollha qed jagħtuna r-riżultati mixtieqa li jgħinuna nilħqu aktar nies biex jgħixu ħajja aħjar, u rridu nkomplu naħdmu fuqhom fix-xhur u s-snin li ġejjin”, temm jgħid il-Ministru Bartolo.

Il-messaġġ tal-Ministru Bartolo fuq il-paġna facebook tiegħu: https://www.facebook.com/edukazzjoni/videos/1837832056495789/ 

More in Politika