Trump jibda l-'gwerra' kontra l-abort

L-ewwel pass ta' Donald Trump kontra l-abort kien li jwaqqaf il-fondi għall-għaqdiet li joffruh

Bħala waħda mill-ewwel wegħdi elettorali li diġà wettaq il-President il-ġdid tal-Istati Uniti, kienet dik li jibda "gwerra" kontra l-abort. Ilbieraħ filgħodu stess, Donald Trump iffirma azzjoni eżekuttiva li twaqqaf il-fondi mill-Gvern Amerikan lil kull għaqda u organizzazzjoni internazzjonali li tippromwovi jew toffri l-abort.

"Il-President, mhux sigriet, u għamilha ċara ħafna li huwa favur il-ħajja," qal il-'Press Secretary' tal-White House, Sean Spicer, li stqarr mal-ġurnalisti li, "huwa jrid jaqbeż għad-drittijiet tal-Amerikani kollha, inklużi dawk li għadhom ma twieldux."

Fl-istqarrija dwar din id-deċiżjoni eżekuttiva, intqal ukoll li minbarra għal-politika favur il-ħajja li tirrifletti l-valuri tal-President innifsu, din id-deċiżjoni għandha tirrispetta wkoll liċ-ċittadini li jħallsu t-taxxi, u li issa jkunu jafu li t-taxxi tagħhom mhumiex qegħdin jiffinanzjaw l-abort.

Din il-politika, imsejjħa l-"Mexico City Policy" kienet oriġinarjament mnedija waqt l-amministrazzjoni ta' Ronald Reagan, iżda mneħħija fl-2009 mill-amministrazzjoni ta' Obama.

Filwaqt li finanzjament dirett għall-abort ma kienx legali lanqas waqt l-amministrazzjoni ta' Obama, għaqdiet u organizzazjonijiet, anke barranin kienu jirċievu fondi mill-Gvern Amerikan bħala għajnuna għall-promozzjoni ta' abort bħala metodu ta' pjanar għall-familji u trattament għal wara l-abort li dawn kienu joffru.

Minn din il-ġimgħa, dawn l-NGOs mhux se jibqgħu jieħdu ebda fondi.

More in Politika