Il-Ministru Owen Bonnici sostna f'konferenza tal-aħbarijiet li l-istqarrijiet ta' Żaren Vassallo u Tonio Fenech ikomplu jimplikaw aktar lil Jason Azzopardi fil-każ tal-bejgħ tal-art f'Ħal Qormi.
"Jekk Jason Azzopardi jemmen li l-kuntrattur Żaren Vassallo kien qiegħed jigdeb meta ta xhieda taħt ġurament li Ministru Nazzjonalista qallu li se jintlaħaq kompromess dwar il-bejgħ tal-eks art tal-Lowenbrau f'Ħal qormi, allura għandu jiftaħ libell jew iqajjem każ ta’ sperġur fil-konfront ta’ Vassallo," saħaq Owen Bonnici.
Il-Ministru Bonnici, flimkien man-Nutar Ian Castaldi Paris, qal li l-evidenza kollha li ġiet żvelata dwar dan il-każ kompliet tippunta aktar lejn involviment mill-eks Ministru Jason Azzopardi, u li skont Bonnici, għandu jirriżenja immedjatament mill-pożizzjoni tiegħu fil-Parlament,
Huwa qal li Azzopardi għandu jammetti jekk kienx reponsabbli għall-każ, peress li kien hu li ffirma l-kuntratt ma' Żaren Vassallo.
Bonnici nnota li, taħt ġurament fil-Qorti, Vassallo xehed li huwa kien żar lil Azzopardi, li minn naħa tiegħu wiegħdu li kien se jintlaħaq kompromess. "Jekk iltaqax ma' Vassallo jew le, Azzopardi kien dak li ffirma l-kuntratt, u għal dan għandu jirriżenja immedjatament," sostna Bonnici.
Il-Ministru Bonnici qal li m'għandux dubju li kien Azzopardi li ltaqa' ma' Vassallo, speċjalment wara li l-eks Ministru Nazzjonalista Tonio Fenech qal li huwa qatt ma' ltaqa' ma' Vassallo.
Castaldi Paris qal li Azzopardi mhux qed ikun onest u li qed jaħbi dak li għamel, u jekk kienx hemm persuni oħra li għamlulu pressjoni biex jiffirma l-kuntratt ma' Vassallo. L-awditur Ġenerali kien għamilha ċara li Azzopardi għandu jinżamm responsabbli.