Aġġornata | Żaren Vassallo jikkonferma li kien imwiegħed 'kompromess'

F'xhieda tal-Qorti, Żaren Vassallo kien qal li ltaqa' mal-Ministru responsabbli, li dak iż-żmien kien Tonio Fenech

F'xhieda tal-Qorti ppubblikata mill-Ministru Owen Bonnici, ta' Żaren Vassallo stess, hu jgħid li kien tkellem u saħansitra ltaqa' mal-Ministru responsabbli dak iż-żmien bil-għan li jinstab kompromess, fil-ftehim dwar l-art tal-eks birrerija tal-Lowenbrau f'Ħal Qormi. 

Fix-xhieda, Vassallo qal "jiena tkellimt u anke kont mort għand il-Ministru responsabbli dak iż-żmien u r-risposta kienet dan però lesti li npoġġu madwar mejda u nsibu kompromess."

Minkejja dan, Żaren Vassallo, fi stqarrija nhar il-Ħadd 8 ta' Jannar, kien ċaħad li hu qatt kellu laqgħat ma’ Jason Azzopardi, li dak iż-żmien kien is-Segretarju Parlamentari responsabbli mid-Dipartiment tal-Artijiet, "u wisq anqas li wasalt għal xi forma ta’ ftehim miegħu." L-istqarrija ta' dakinhar tkompli tgħid li, "Lil Dr. Azzopardi jiena qatt ma kellimtu dwar din il-materja, la fiż-żmien li kien il-Ministru responsabbli mid-Dipartiment tal-Artijiet u lanqas wara. Dan jgħodd ukoll għall-membri tas-Segretarjat Privat tiegħu." Rigward l-affidavit, Vassallo kien qal li, "Jekk verament jeżisti dan l-affidavit, min għamlu ħalef il-falz."

Dak iż-żmien li kien seħħ il-ftehim dwar l-art f'Ħal Qormi, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mil-Lands kien Jason Azzopardi, li kien jaqa' taħt il-Ministeru tal-Finanzi, responsabbli minn Tonio Fenech.

Intant, f'konferenza tal-aħbarijiet b'risposta, id-deputat Jason Azzopardi sostna li l-Ministru Bonnici qed jigdeb u li ilu jigdeb għall-aħħar ġimagħtejn, "f’diskors mibni biss fuq mibgħeda personali kontra min qed jikxef il-korruzzjoni. Azzopardi akkuża lil Bonnici li huwa giddieb, falz u vendikattiv. 

“Owen Bonnici ilu ġimagħtejn jgħid li jien iltqajt ma’ Żaren Vassallo biex insibu kompromess dwar il-kundizzjoni tal-art f’Ħal Qormi. Minnufih jien kont ressaqt libell dwar dan u issa ġie kkonfermat li din hija gidba totali. Issa anke Owen Bonnici kellu jibla kliemu wara li nqabad li ilu ġimgħatejn jigdeb dwari,” qal Jason Azzopardi.

Hu fakkar li anke Deborah Schembri provat titfa’ t-tajn fuqu waqt il-programm Dissett li bdiet tistaqsi jekk qattx kien imur jara l-art ma’ Żaren Vassallo. "Din ukoll hija gidba mill-bidu sal-aħħar," insista Jason Azzopardi.

More in Politika