'Kburin bil-Presidenza, iżda Muscat ħammiġha mill-ewwel ġurnata '

'Evarist Bartolo wkoll jinsab f’ġirja lejn il-qiegħ'

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt li kien qed jindirizza attività politika bit-tema ‘Nirnexxu Lkoll Flimkien’ fil-Birgu. Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista hu kburi bil-Presidenza tal-Unjoni Ewropea - kemm fuq livell ta’ partit, kif ukoll fuq livell ta’ pajjiż.“Kienet viżjoni ta’ partit politiku li jara fit-tul,” qal Simon Busuttil, li iżda spjega li din il-Presidenza bdiet fuq nota ħażina u li setgħet ġiet evitata kieku l-Prim Ministru ma webbisx rasu, u li kieku ma għażilx l-interessi personali fuq linteress nazzjonali. Dan peress li daħal għall-Presidenza tal-Unjoni Ewropea b’Konrad Mizzi u Keith Schembri mgħażżra m’għonqu. “Għednilu l-Prim Ministru biex ma jħammiġx isem Malta mill-ogħla individwi f’Kastilja, iżda flok l-interessi tal-familji, hu għażel li jżomm miegħu l-aktar tnejn viċini tiegħu minkejja li kulħadd jaf x’għamlu,” qal Simon Busuttil. Hu sostna li lil hinn mill-pożi tal-Prim Ministru ta’ nhar l-Erbgħa, hemm is-sustanza, li hi li qed iħammġu isem pajjiżna għax daħal għall-Presidenza tal-Unjoni Ewropea bi Gvern mifni bl-iskandli, u li l-akbar skandlu qiegħed fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera wkoll għall-aħħar rivelazzjonijiet dwar il-Ministru Evarist Bartolo, li wara li qal li ma kien jaf b’xejn bl-iskandlu filMinisteru tiegħu u li ma kien involut xejn, u li hu ħasel idu, issa sar magħruf li Evarist Bartolo nnifsu ordna li jsiru pagamenti irregolari li ma jmisshom qatt tħallsu, li ma tħallsux minn Gvern Nazzjonalista għax kienu rregolari. Anke Evarist Bartolo - minkejja li kien jipriedka dwar governanza tajba - jinsab f’ġirja lejn il-qiegħ, sostna Simon Busuttil. Hu fakkar f’dak li qal il-ġimgħa li għaddiet, jiġifieri li hu bniedem li dak li jemmen fih jgħidu, u li jekk jemmen f’xi ħaġa, se jiġġieled għaliha, anke quddiem il-Kummissjoni Ewropea kollha. “L-interess tiegħu hu wieħed: il-poplu Malti u Għawdxi u dak li hu fl-aħjar interess tal-poplu,” qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista temm jgħid li minkejja li l-Gvern tela’ b’maġġoranza kbira 4 snin ilu, u minkejja li għall-Partit Nazzjonalista kienet triq diffiċli mill-bidu, il-verità hi li s-salesman biegħ prodott falz. “Issa wasal il-mument li lil dak is-salesman ngħidulu li mhux se nixtru prodott ieħor għax diġa’ tradiena. Bil-vot tal-poplu Malti u Għawdxi ntajruh minn hemm u ngħidulu li din it-tip ta’ korruzzjoni ma rriduhiex aktar”, temm jgħid Simon Busuttil. 

More in Politika